Staħarriġ li sar dan l-aħħar reġa’ wera li l-attendenzi fil-Knisja kulma jmur qed ikomplu jonqsu. Dun Ġorġ Dalli attribwixxa dan in-nuqqas għal bosta fatturi fosthom il-fatt li s-soċjetà saret aktar sekulari.
Dalli li kien qed jieħu sehem fil-programm Realtà fuq l-istazzjon nazzjonali qal fil-Knsija hemm reżistenza għall-bidla u li tul is-snin il-Knisja abbużat mill-poter li kellha.
“L-ikbar abbuz li għamlet il-knisja kien il-poter zejjed.”
Sostna li n-nies setgħu tbiegħdu mill-Knisja minħabba l-attitudni li ħadet dwar kwistjoniet bħad-divorzju u l-ivf.
“X’iġifieri inti tgħid li bl-ivf qed joqtlu. Dan x’diskors hu.”
B’referenza ċara għal nies fil-Knisja, Dun Gorg Dalli qal li jitwerer minn Kattoliċi li mhumiex insara.
“Għamluli persekuzzjoni minn ġewwa u minn barra kemm trid imma min żammni lili?”
Dwar dikjarazzjonjiet li għamel Godfrey Leone Ganado li ħadem fil-qrib mal-Knisja, Dun Ġorġ Dalli qal li jemminx li l-Knisja għandha tkun ‘watchdog’. Madankollu kellu kliem iebes fil-konfront tiegħu.
“Għidtlu ara ma tiġix inti troddli salib u tgħidli li temmen f’Ġesù Kristu”
Dun Ġorġ Dalli kellu wkoll kliem iebes għall-mod kif qed titmexxa l-midja tal-Knisja.
“Oxxenità oxxenità – Il-linja editorjali tal-RTK u ta’ Newsbook hija oxxena…clear biżżejjed jew tridni nkun clear iktar?”
Mistoqsi għaliex jaħseb hekk huwa qal li din mhix bilanċjata.
“Għax m’għandiex linja bilanċjata għax RTK mhux radju tal-Knisja ta’ kulħadd u mhux ta’ kulħadd.”
Qal li meta kien fil-bord tad-diretturi li waqqaf l-RTK, semmewh radju ta’ kulħadd, iżda saħaq li llum l-K mhux ta’ kulħadd.
“Jien ma tantx naf għax ma nisimgħux u ma nisimgħux deċiżjoni għax dak ma jridx li jkun f’ismi bħala knisja. Jiddispjaċini li l-Knisja tħallsu mill-flus”
Huwa kellu wkoll kliem iebes għall-persuni responsabbli mit-tmexxija tal-midja tal-knisja.
“Dawn huma bodies li għandhom their mind set dejjem jaħsbu li qed jagħmlu tajjeb…Mela ibqgħu sejrin hekk.”
Sostna li meta jara dawn in-nuqqasijiet ma jistax ma jitkellimx.
“Meta nara nagħaġ tiegħi qed iweġġgħu u meta nara li r-ragħaj tiegħu daqsi u iktar minni, insensittiv, jien irrid nitkellem.”
Dun Gorġ Dalli kien ċar ukoll dwar il-pożizzjoni aktar ċerimonjali li ħadet il-Knisja f’Malta taħt it-tmexxija tal-Arcisqof Charles Scicluna.
“U issa kulħadd qed jagħtih għall-bażiliki. Imbagħad kanonċi u monsinjuri u dan l-imbarazz kollu għax dan imbarazz għall-bxara t-tajba ta’ Ġesù Kristu. Dan imbarazz. Dan aljenazzjoni.”
Huwa deher xettiku wkoll dwar it-tibdil li qed jiġi propost mill-Arċidjoċesi flimkien ma’ 70 saċerdot bil-għan li l-attendenza fil-Knisja ma tkomplix tonqos.
“U anqas nagħtieha importanza…u ma tagħtihiex importanza…Għax kellek vigarju episkopali tal-Evanġelizzazzjoni u għax ħassu li qed jagħżaq fl-ilma, irreżenja.”