Dan qalitu l-MOAS, organizazzjoni involuta ferm fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ immigranti fil-Mediterran.
Fi spazju ta’ tliet snin minn mindu nħolqot, il-fondazzjoni MOAS salvat erbgħin elf ruħ fil-baħar Mediterran.
Il-MOAS, fondazzjoni bbażata f’Malta li toffri l-ewwel għajnuna lill-immigranti li jaqsmu partikolarment mill-Afrika lejn l-Ewropa, f’għeluq it-tliet snin, tenniet l-impenn umanitarju tagħha.
U għal darb’oħra l-MOAS appellat lil Ewropa biex toħloq qafas umanitarju regolat ħalli dawk l-immigranti fost l-aktar vulnerabbli jkollhom aċċess li japplikaw għall-ażil.
Dan f’kuntest li l-MOAS irrikonoxxiet li l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li twettaq mhumiex biżejjed.
Fi stqarrija f’għeluq it-tielet anniversarju mill-bidu tagħha, l-MOAS fakkret ukoll li kienet l-ewwel organizazzjoni involuta fis-salvataġġ li ffirmat id-dokument imsejjaħ il-kodiċi tal-kondotta li ħareġ il-Gvern Taljan f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni.
L-għaqda mhux governattiva saħqet li l-Mediterran wera kemm huwa imprevidibbli u bl-isfida tal-immigrazzjoni kull ma jmur qed issir dejjem iżjed iebsa, il-MOAS temmet tgħid li ma tistax tieqaf mill-operazzjonijiet tagħha.