L-aħbar li pajjiżna mistenni jiskansa l-agħar effetti negattivi mill-imxija tal-Coronavirus hija grazzi għal ħidma tal-Gvern fl-aħħar snin.
L-analista finanzjarju Steve Ellul jemmen li ħidmet il-Gvern partikolarment fl-aħħar ġimgħat bil-pakketti finanzjarji li ħabbar, se tistimola n-negozji l-iktar milquta.
Huwa spjegalna: “Dan huwa riżultat ta’ pakkett finanzjarju li huwa mmirat b’mod ċar ħafna biex kemm jista’ jkun jinżammu ħaddiema mal-impjegati tagħhom u min iħaddem kemm jista’ jkun ikollu aċċess f’saħħtu għal finanzi u ammont sinifikanti ħafna ta’ likwidità. Il-likwidità hija importanti ħafna biex ikomplu jħallsu l-ispiża rikorrenti tagħhom.”
Tenna li dawk il-pajjiżi li bħal Malta għamlu pakketti finanzjarji mal-ewwel u kbar meta mqabbel mal-ekonomija tal-pajjiż se jkunu l-iktar pajjiżi li se jkollhom impatt żgħir mill-imxija.
U hekk kif il-fond monetarju internazzjonali qed ibassar li l-2021 se tkun sena ta’ rkupru għall-ekonomija dinjija wara l-pandemija, Ellul spjega li pajjiżna se jirkupra ferm iktar malajr mill-medja Ewropea.
Is-Sur Ellul sostna: “Qed naraw li Malta tirkupra mas-7% fi tkabbir annwali fl-2021 ikkumparat mal-4.7% fiż-żona Ewropea. Fl-2020 skont dawn il-projections tal-IMF, Malta ser ikollha l-aktar ekonomija li ser tiċkien l-inqas fl-Ewropa. Fl-2020 jidher li l-impatt negattiv f’Malta se jkun ferm inqas mill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea.”
Semma li fost oħrajn, il-prestazzjoni tajba ta’ pajjiżna se tkun riflessa b’mod partikolari fir-rata tal-qgħad. Din tidher li se titla ftit għal 5% mir-rata preżenti ta’ 3.4% qabel ma terġa tinżel għal livell preżenti s-sena d-dieħla.
Is-Sur Ellul kompla jispjega: “Per eżempju l-Olanda li għandha rata ta’ qgħad viċin it-3.4%. fl-2020 dan ir-rapport qed jara r-rata ta’ qagħad tirdoppja għal viċin is-7%. Anke hawnhekk meta mqabbel ma’ pajjiżi oħrajn, ekonomiji oħrajn, pajjiżi bħal tagħna li għamlu pakketti finanzjarji sinifikanti, jidher li se jkollhom impatt materjali pożittiv ħafna fuq is-suq tax-xogħol u l-andament ekonomiku b’mod inġenerali.”
Intant il-Partit Laburista nnota li l-analiżi tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar l-ekonomija Maltija tikkonferma li l-miżuri li ħa l-Gvern se jħallu l-frott mixtieq meta s-sitwazzjoni terġa’ tiġi għan-normal.
Il-Partit Laburista qal li fuq kollox dan it-tbassir ixejjen l-analiżi negattiva li għamlet l-Oppożizzjoni fl-aħħar jiem u l-kritika tagħha lejn il-miżuri li introduċa dan il-Gvern biex jilqa’ għall-impatt li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus.