Fl-24 ta’ Frar tas-sena l-oħra, l-ewwel truppi Russi invadew il-pajjiż ġar tagħhom, l-Ukrajna.
Minn dakinhar, l-Ewropa bdiet iġġarrab mhux biss traġedja umana, b’miljuni ta’ Ukreni spustati ’l barra minn pajjiżhom bħala refuġjati f’pajjiżi Ewropej, imma wkoll impatt ekonomiku liema bħalu.
L-invażjoni Russa seħħet eżatt hekk kif l-ekonomija madwar l-Ewropa kienet se tibda l-proċess delikat biex tirkupra wara d-daqqa ta’ ħarta tal-pandemija. Madwar il-kontinent, dan is-saram ġdid wassal għal kriżi oħra li splodiet il-prezzijiet tal-ikel u ta’ prodotti essenzjali oħrajn u aggravat il-pressjoni fuq l-ekonomiji.
Madwar l-Ewropa kollha, l-attività ekonomika baqgħet baxxa, b’inflazzjoni persistenti u b’kundizzjonijiet finanzjarji aktar ebsin.
Iżda minkejja dan iċ-ċpar kollu fl-isfond, rapporti internazzjonali, wieħed wara l-ieħor, taw ċertifikati tajbin ħafna għar-riżultati li qed ikollha l-ekonomija Maltija.
L-aktar rapporti riċenti kienu dawk li ħarġu l-Fond Monetarju Internazzjonali u l-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu DBRS Morningstar.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali osserva li din is-sena u anki s-sena d-dieħla Malta se jkollha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi kollha msieħba fl-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tagħha, id-DBRS Morningstar reġgħet ikkonfermat għal darb’oħra l-ogħla klassifikazzjoni li kienet tat lill-ekonomija Maltija: dik ta’ A (għolja) b’tendenza stabbli.
L-ekonomista Jessica Camilleri rrimarkat ma’ One News li r-rapporti internazzjonali pożittivi u l-prospettivi stabbli jixhdu r-reżiljenza li wriet l-ekonomija Maltija wara l-pandemija u anki issa, quddiem l-impatti tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Dan seħħ minkejja li, bħala ekonomija ċkejkna, l-ekonomija ta’ pajjiżna hija sensittiva ħafna għax-xokkijiet li jiġu minn barra.
Qalet, “Kellna wieħed mill-iktar irkupri ekonomiċi mgħaġġlin, u dak kien sforz kemm tal-inizjattivi li nħarġu min-naħa tal-Gvern dak iż-żmien kif ukoll tal-inizjativa tal-intrapriża u tal-konsumaturi lokalment ukoll. Li għen ukoll kien is-settur tat-turiżmu.”
Minkejja ċ-ċikrustanzi internazzjonali diffiċli, Malta rreġistrat rata tal-inflazzjoni aktar baxxa mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona tal-Ewro. L-ekonomista Jessica Camilleri identifikat, bħala fattur ewlieni li kkontribwixxa għal dan, id-deċiżjoni tal-Gvern li jintervjeni biex ma jħallix li, bħalma ġara f’pajjiżi oħrajn, jogħlew il-kontijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-fjuwils għall-familji u għan-negozji.
Qalet, “F’dan ir-rapport hemm ukoll imsemmi li Malta kellha waħda mill-inqas rati mal-medja Ewropea, għall-inqas. Dan huwa sforz ukoll tal-Gvern, bid-deċiżjoni li jissussidja r-rati tal-enerġija.”
L-ekonomista Jessica Camilleri qalet li, fix-xhur li ġejjin, il-pajjiż irid ikompli jsib bilanċ u dejjem jara liema inizjattivi jkunu meħtieġa biex tinżamm il-kompetittività tal-pajjiż, il-konsum lokali jibqa’ għoli, filwaqt li jibqgħu jiġu kkontrollati d-defiċit u d-dejn tal-pajjiż.
Proprju din il-ġimgħa, statistika uffiċjali kkonfermat li l-Gvern qed iżomm mal-miri tiegħu fejn jidħlu t-tnaqqis tad-defiċit u l-kontroll tad-dejn nazzjonali.