“Aħna se nkomplu nkunu t-tarka għall-isfidi li qed jiffaċċjaw in-nies.”
Saħaq dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela quddiem folla sabiħa ta’ nies li nġabru għal attività politika f’Wied il-Għajn.
Fid-diskors tiegħu Dr Abela tkellem dwar Gvern li qalbu qiegħda fil-post it-tajjeb favur in-nies u spjega kif ir-realtà ta’ pajjiżna ħdax-il sena ilu kienet totalment differenti.
Fil-fatt bil-kontra ta’ żmien fejn Malta kienet titmexxa minn amministrazzjonijiet Nazzjonalisti b’riżultat li l-pajjiż staġna, illum għall-ewwel darba fl-istorja, l-ekonomija ta’ pajjiżna laħqet l-aqwa livelli u qed jiġi rreġistrat rekord fil-ġid nazzjonali.
“Illum għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-ġid nazzjonali qabeż il-medja taż-żona ewro, għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna. Ifisser dan li ġejna ma’ l-aqwa fid-dinja. Daqstant aħna rnexxielna nittrasformaw l-ekonomija ta’ dan il-pajjiż.”
Dr Abela tenna li dan kollu sar minkejja ċirkustanzi u sfidi bla preċedent u b’Oppożizzjoni li tipprova tfixkel.
Però saħaq li meta jkollok poplu li huwa warajk, xejn ma jfixklek li taħdem bis-saħħa għal pajiżek.
“Minkejja li kellna Oppożizzjoni li ħlief tfixkil u ħsara mgħamlitx. Imma meta intom tkunu warajna, meta jkollok il-poplu warajk xejn ma jista’ jfixklek li tagħmel il-ġid għal pajjiżek u xejn ma jfixklek billi taħdem bis-saħħa għal pajjiżek.”
Fil-fatt il-Prim Ministru tkellem dwar l-iskema Stabbiltà u żvela kif il-Eurostat ikkonfermat kif għat-tieni xahar konsekuttiv kien reġistrat tnaqqis fil-prezz tal-ikel. Dan b’effett dirett tal-miżura tal-Gvern biex ġab stabbiltà fil-prezz ta’ 450 prodott.
Sadanittant, il-Prim Ministru semma diversi benefiċċji soċjali oħrajn li seħħew u għadhom qed ikomplu jsiru bil-għan ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar għan-nies fosthom l-akbar żieda fil-pensjonijiet, il-ħlas tal-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-inflazzjoni, titjib fil-pagament tal-in-work benefit u l-carer’s grant u żieda rekord fiċ-children’s allowance.
“Żidna b’mod rekord ic-children’s allowance wkoll u issa xahar ieħor dawk minnkom li għandhom it-tfal tagħhom li se jkomplu jistudjaw lil hinn mill-età obbligatorja, se nkunu qegħdin nagħtuhom pagament ieħor ta’ ħames mitt ewro. Is-sena d-dieħla nerġgħu ntuhom ħames mitt ewro ieħor u s-sena ta’ wara ħames mitt ewro ieħor.”
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna wkoll li l-bidla ġġib ir-riskji però sostna li l-Partit Laburista ma jibżax mill-bidliet u hawnhekk aċċenna għar-riforma taż-żewġ terzi b’rabta mal-ħatra tal-President tar-Repubblika u li tħaddmet għall-ewwel darba fil-vot favur Myriam Spiteri Debono bħala l-ħdax-il President ta’ pajjiżna.
Dr Abela qal kif b’din ir-riforma ħareġ ċar kif fejn hemm bżonn dan il-pajjiż jista’ jkun maqgħud fejn hemm bżonn.
Il-Prim Ministru fakkar fil-ġurnata tant sabiħa u ta’ għaqda nazzjonali tal-Ħamis li għadda fil-ġurament tal-ħatra tal-Eċċellenza tagħha Myriam Spiteri Debono. Huwa ddeskriviha bħala mara retta u ġenwina li qalbha wkoll qiegħda fil-post it-tajjeb.
Aċċenna li dan is-sentiment għandu jinżamm f’dawn ix-xahrejn li ġejjin u mhux bħal ħaddieħor li qed iġib lilu nnifsu l-ewwel minflok lil pajjiżu.
Għalhekk il-Prim Ministru temm b’messaġġ b’saħħtu li l-għażla tat-tmienja ta’ Ġunju hija waħda importanti u x-xogħol jibqa’ ffukat fuq li kulħadd jipparteċipa fil-proċess demokratiku.
“Biex nirnexxu aktar ma nistgħux nistrieħu imqar ġurnata waħda li hi waħda imma konvint li flimkien jirnexxielna, flimkien naslu biex flimkien inkomplu insaħħu Malta tagħna. Grazzi minn qalbi.”