L-aħħar miżuri li tħabbru mill-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa fosthom li kull attività, bl-eċċezzjoni tal-funerali u t-tiġijiet, iridu jsiru kollha bilqiegħda, kienu miżuri meħtieġa u bilanċjati sew.
Dan kien messaġġ dikjarat f’editorjal tal-gazzetta ‘The Malta Independent’, fil-ħarġa tagħha tat-Tnejn li fih saħqet ukoll kemm il-vaċċin kontra l-Covid-19, jaħdem.
F’editorjal ieħor minn gazzetta indipendenti sar aċċenn li dawn il-miżuri huma importanti biex tkompli tiġi salvagwardjata saħħet il-poplu filwaqt li n-nies jibqgħu jgħixu f’normalità ġdida.
“Ejja nkunu ċari, il-vaċċin huwa s-soluzzjoni għall-pandemija”, kiteb l-editur tal-Independent, li saħaq fuq il-ħtieġa wkoll li l-poplu jaċċetta l-istedina u jieħu l-booster.
L-editur saħaq li ż-żieda fil-każijiet pożittivi għall-Covid-19 m’għandux inaqqas il-ħeġġa li nieħdu l-vaċċin.
Hawn l-editur irribatta argumenti ta’ xi wħud li l-vaċċin mhux jaħdem għax żdiedu l-każijiet.
F’dan il-kuntest semma kif meta kellna żieda qawwija fil-każijiet f’Marzu, meta kien hawn bosta għadhom mhux imlaqqma, f’pajjiżna kellna ħames taqsimijiet sħaħ għall-kura intensiva u llum għandna mal-erba’ persuni f’taqsima waħda għall-kura intensiva, minħabba l-Covid-19.
L-argument fl-editorjal tal-Independent ikompli ma’ dak li ntqal qabel, fosthom fis-Sunday Times tal-Ħadd u fil-Maltatoday f’nofs il-ġimgħa l-oħra, li l-vaċċin huwa r-raġuni għala n-numru ta’ pazjenti rikoverati fl-isptar minħabba l-Coronavirus, baqa’ baxx.
L-editur tal-Independent qal li l-booster mhuwiex kunċett ġdid għaliex it-tilqima kontra l-influwenza tiġi offruta kull sena biex minn żmien għal żmien terġa’ żżid l-immunità kontra virus partikolari.
“Li hu fiċ-ċert huwa li rridu nitgħallmu ngħixu mal-virus u l-vaċċin huwa parti minn dan kollu”, temm jgħid l-editur tal-gazzetta ‘The Malta Independent’, li saħaq li huwa tajjeb li l-awtoritajiet ma ħadux miżuri ħorox u iebsin iżżejjed.
L-editur qal li iżda jekk ma nieħdux il-booster, dawn il-miżuri iebsin imbagħad ikollhom jittieħdu.