Editorjal tas-Sunday Times innota li l-miżuri bilanċjati b’rabta mal-imxija, li ħabbar il-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa nhar it-23 ta’ Diċembru li għadda huma relattivament pożittivi.
L-editur tas-Sunday Times qal li dawn il-miżuri, li huma intiżi li jissalvagwardjaw saħħet il-poplu filwaqt li jħallu lin-nies jibqgħu jgħixu f’normalità ġdida, jibagħtu messaġġ ċar, li l-vaċċin huwa l-aqwa arma biex niġġieldu l-effetti serji tal-Coronavirus.
F’dan il-kuntest, it-Times qalet li studji xjentifiċi juru li l-booster jipproteġi sew kontra l-varjant Omicron.
Fil-fatt ix-xjentisti jemmnu li l-vaċċin żamm fil-baxx in-numru ta’ persuni rikoverati fl-isptar minħabba l-Coronavirus.
L-editur semma kif il-miżura l-ġdida, li mis-17 ta’ Jannar jidħol l-obbligu taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex tidħol f’ċertu stabbilimenti; bħar-ristoranti, il-bars u swali taċ-ċinema, tista’ tidher li hi miżura iebsa iżda qed ngħixu żminijiet ta’ sfida.
Hawn intqal li huwa faċli jingħalqu l-ħwienet mhux essenzjali bħar-ristoranti u stabbilimenti oħra, mingħajr ma nagħrfu x’riperkussjonijiet dan kieku jħalli fuq il-ħobża ta’ kuljum ta’ bosta familji.
Hawn issemma kif il-Gvern għen u ssussidja l-ħruġ tal-pagi bħal Covid Wage Supplement biex salva tant negozji iżda ma nistgħux nibqgħu nippretendu li l-Gvern joħroġ kull sold għal dejjem.
It-Times qalet li wara kważi sentejn, irridu nitgħallmu ngħixu bil-virus u niġġieldulu b’mod sensibbli billi nitlaqqmu u ma nieħdux riskji.
L-editorjal tas-Sunday Times fil-ħarġa tal-Ħadd kompla ma’ dak li nkiteb mill-editur tal-Maltatoday f’nofs il-ġimgħa, fejn ġie nnutat li spjega realistika wara l-fatt ta’ numru baxx ta’ persuni rikoverati fl-isptarijiet meta mqabbel ma’ sena ilu, huwa l-programm ta’ tilqim b’saħħtu li kellna f’pajjiżna.
L-editur tal-Maltatoday fakkar li l-vaċċin qatt ma kellu l-għan li jwaqqaf milli wieħed jinfetta ruħu bil-virus iżda tabilħaqq qed inaqqas l-effetti severi tal-virus.
L-istess editorjal irrikonoxxa ħsibijiet ta’ nies li jsiru xettiċi fuq it-teħid tal-vaċċin wara li ħadu l-ewwel dożi u issa qed iġibuha bi tqila biex jieħdu l-booster.
Hawnhekk ingħad li għamel sew il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li saħqu fuq it-teħid tal-booster biex dan jipproteġina għax-xhur xitwin wara li l-ewwel dożi proteġewna għas-sajf u l-ħarifa.