Waqt li kien qed jitfakkar it-tnejn u sittin anniversarju mit-twaqqif tas-sigurtà soċjali f’Malta, il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fil-baġit għas-sena d-dieħla, il-miżuri soċjali se jibqgħu fuq nett tal-aġenda tal-Gvern. Il-Ministru Falzon qal li fl-aħħar snin, taħt amministrazzjoni Laburista, rajna sensiela ta’ miżuri bla preċedent fejn jidħlu aktar beneffiċji, minn tfal sa pensjonanti.
Xhieda ta’ dan kien is-sosten finanzjarju qawwi għal din is-sena b’allokazzjoni ta’ biljun u sitt mitt miljun ewro.
Fakkar kif bħalissa qiegħed isir tibdil fil-ħinijiet tax-xogħol bħala parti minn proġett pilota ta’ sitt xhur fejn il-ħaddiema qegħdin jaħdmu erbgħin siegħa iżda mhux fl-istess ħinijiet li mdorrijin bihom.
Fl-istess waqt ser ikun offrut servizz ieħor ġdid fejn ċertu distretti jiftħu wkoll is-Sibt filgħodu.
Is-sistema tas-sigurtà soċjali tnediet f’Mejju tal-1956 meta Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien daħħal liġi msejsa fuq il-kontribuzzjoni tal-bolla mill-impjegat, minn min iħaddem u mill-istat biex meta persuna tispiċċa mix-xogħol bl-età, tkun assigurata li jkollha pensjoni biex tkun tista tgħix.
Dr Falzon semma bosta miżuri li ħa l-Gvern tul l-aħħar snin fosthom żidiet fil-pensjonijiet, l-estensjoni tal-in-work benefit, żieda fil-benefiċċju għal min jifforsterjaw u għajnuniet finanzjarji kif ukoll loġistiċi għal min jaddotta.