“Kien hemm ħafna miżuri li jindirizzaw aspetti li jolqtu s-setturi li huma mitluba li jagħmlu ċerti tibdiliet biex inaqqsu l-emmissjonijiet.”
Dan kien is-sentiment ewlieni tal-Professur Simone Borg b’rabta mal-Budget 2022 u l-miżuri ambjentali li jinkludi fi ħdanu.
L-Ambaxxatriċi Maltija għat-tibdil fil-klima sostniet li dawn il-miżuri fl-intier tagħhom huma intiżi biex ibiddlu l-atteġġjament tal-poplu sabiex ikun aktar konxju tal-ambjent ta’ madwaru.
Hija qalet, “L-iktar li forsi naraw huma l-inċentivi għall-vetturi elettriċi pereżempju, investiment li qed isiru f’dan il-qasam anke ideat li kien hemm biex nintroduċu sistemi ġodda anke bħal green bonds. Huma kollha miżuri li jolqtu l-iffinanzjar ta’ din il-bidla imma fl-istess ħin il-bidla mis-setturi kollha.”
Il-Professur fil-liġi ambjentali tkellmet ukoll dwar il-miżura ta’ proġett ta’ afforestazzjoni fiż-żona tal-Inwadar u li se jkun akbar mill-Buskett. Dan b’investiment ta’ €20 miljun fuq medda ta’ 5 snin
Hija rrimarkat kif dan il-proġett, filwaqt li huwa tajjeb, għandu jsir b’mod sostenibbli fid-dawl tat-temperaturi sħan fil-gżejjer Maltin: “Għandhom funzjoni li ovvjament li jiffriskaw l-arja ta’ madwarahom, li jiġġeneraw ambjent sabiħ fejn aħna nkunu nistgħu nirrilassaw u jgħinu wkoll għall-veġetazzjoni tagħna, pereżempju jorbtu l-ħamrija u ma jkollokx dik is-soil erosion meta jkollok ix-xita peress li jkollok ix-xita għandek iktar ċans li ssalva l-ħamrija. Jiġifieri għandek benefiċċji all around jiġifieri proġetti bħal dawn huma ta’ ġid imprezzabbli.”
Dwar l-inċentivi u għotjiet favur xiri ta’ vetturi elettriċi jew plug-in hybrid, il-Professur Borg ikkonkludiet li dawn huma intiżi li jimmotivaw lill-Maltin u l-Għawdxin jibdlu l-karozza tagħhom favur waħda aktar ħabiba tal-ambjent, minkejja li kollox jindika li tul iż-żmien, il-Maltin ikollhom rabta b’saħħitha mal-karozza u anke d-ditta tagħha.
Prof. Borg saħqet: “Importanti ħafna li nkomplu nsostnu dawn l-inċentivi b’kampanja edukattiva ma’ min jifhem li jkollna anke djalogu mas-settur tat-trasport kif dan diġà qegħdin fil-fatt nagħmluh anke mal-importaturi tal-karozzi biex ikollna mhux biss l-inċentiva imma wkoll il-framework li hemm bżonn biex insostnu l-inċentiva.”