“Miżura favur trasport alternattiv, b’viżjoni ambjentali u soċjali.” Hekk ġiet deskritta l-miżura li daħlet fis-seħħ ftit jiem ilu fejn il-ferry bejn il-Kottonera u l-Belt u bejn Tas-Sliema u l-Belt issa hi bla ħlas meta wieħed juża Tallinja Card.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Jonathan Borg, li elenka l-benefiċċji varji ta’ miżura bħal din.
Borg spjega li l-ħidma bejn Transport Malta u l-Gvern fl-aħħar xhur wasslet biex aktar nies jużaw dan is-servizz fejn mill-ewwel rispons jidher li mistennija jiżdiedu b’mod raġjonevoli l-passiġġieri li jagħmlu użu minn dan it-traġitt fil-portijiet ewlenin f’pajjiżna.
Stqarr, “Hu xogħol li l-Gvern ilna naħdmu fuqu għal dawn l-aħħar xhur. Għadu kmieni wisq biex naraw il-figuri u n-numri ta’ nies li għamlu użu minn dan is-servizz, imma mir-riżultati li għandna bħalissa, ir-rispons kien ferm tajjeb.”
Ma’ Jonathan Borg tkellimna wkoll dwar l-impatt ambjentali pożittiv li se tħalli din il-miżura hekk kif ir-riżors tal-baħar, li m’aħniex neqsin minnu f’pajjiżna, qed jintuża bħala alternattiv għall-infrastruttura.
Qal, “Se jkollok ħafna tnaqqis ta’ karozzi fuq iż-żona tal-portijiet, għax għandek dawn il-bastimenti li qed jieħdu numru akbar milli tista’ tieħu l-karozza tas-servizz tal-Malta Public Transport. Il-karozza tas-servizz tal-Malta Public Transport hi importanti, għax hi l-karozza li qed twassal ukoll dawk in-nies fuq it-terminals minn fejn se jimbarkaw biex jaqsmu għat-Tlett Ibliet.”
B’rabta ma’ dan, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, sostna li, minbarra li se tħalli aktar flus fil-but tan-nies, din il-miżura se tgħin biex ittejjeb il-kwalità tal-arja u tal-ħajja ġenerali għar-residenti u tan-nies fl-inħawi tal-portijiet.
Stqarr, “L-importanza tagħha għandha diversi binarji. L-ewwel nett ovvjament dak l-aktar wieħed li jidher li nipprovaw inħeġġu lin-nies biex jużaw metodi alternattivi ta’ trasport. Hi wkoll miżura ambjentali, għax qed naraw li bil-konġestjoni inqas fit-toroq, inqas użu ta’ karozzi, naraw li jkun hemm inqas dħaħen fit-toroq u hi wkoll miżura soċjali li l-fatt li hi b’xejn se nħallu aktar flus fil-but lin-nies li int jekk ma tużax il-karozza, iżda tuża l-ferry, għandek id-differenza bejn il-fuel issa saret ħafna aktar vantaġġjuża biex tmur bil-vapur.”
Sadanittant, Jonathan Borg tenna li, wara t-trasport pubbliku b’xejn fuq l-art u issa fuq il-baħar, qed inħarsu b’fiduċja għal aktar skemi ppjanati għaż-żmien li ġej, bħall-iżvilupp ta’ din il-miżura b’ferry ieħor minn San Pawl il-Baħar għall-Belt Valletta.
Qal, “Mgħandix dubju. Din qed inħarsu lejha, dejjem jiddependi fuq ir-riżultati li se nieħdu minn dan it-traġitt li għandna bħalissa, imma iva hu importanti li nifhmu li kull riżors li għandna u kull punt li nistgħu nużaw fejn nistgħu nżidu dan it-traġitt ikun ferm aħjar għalina.”