Ili midħla tal-qrati għal dawn l-aħħar 52 sena. U fuq ċerti ħwejjeġ inkemmex xofftejja, bħal ħafna nies oħra. Jien niftakar żmienijiet meta kien hemm Presidenti Sir Anthony Mamo u l-Profs JJ Cremona u mħallfin bħal Guzè Flores u oħrajn. Kien hemm ċertu attitudni li wieħed iħossu kburi li qed jagħtu s-sehem tiegħu lill istituzzjoni importanti. Ma kienux iqisuha professjoni biss. Anke registraturi, bħal Prof Victor Borg Costanzi u Dr Victor Borg Grech, li l-proċedura veru kien jafha.
Ikolli ngħid li l-miżien tħawwad xi ftit. Dawn il-ġranet ex Imħallef li jgħallem l-università qalli kif qed jitfixkel b’sentenzi kontra xulxin fuq l-istess prinċipju. U huwa jrid jgħallem lill-istudenti.
Pero’ dan hu l-miżien tal-bnedmin. Ma tinstenniex li jkunu preċiżi daqs miżien mekkaniku jew diġitali. U llum dan il-miżien li qed jinkwetani.
Saru lifts ġodda, l-aktar li jużaw in-nies. Issa aktar qed jużawha għax għamlu żewġ awli ġodda u dawn qegħdin fit-tielet sular. Il-qodma kienu misjurin u kien ilhom hemm minn meta nfetaħ il-Qorti fi Triq ir-Repubblika, fil-bidu tas-snin 70.
Ikolli ngħid li kultant dawn il-lifts iġibu sitwazzjoni tal-biki. Tkun xortik tajba jekk tirkeb, u jkun hemm żewg persuni fil-lift. Titla’ pespusa u malajr l-lift jghidlek b’mod solenni (għax jitkellem ukoll) li overweight. U jkollok tinżel. Issa dan il-lift jgħidlek li jiflaħ 450 Kg. Tnejn min-nies li bejniethom iġibu qrib 450 kg tagħtihom rashom x’ħin jisimgħu li b’ġonta ta’ persuna qabżu l-piż.
Dan meta jaħdmu. Altrimenti jidher li qishom daħlu malajr mal-gvern, u joħorġu bis-sick leave, daqqa wieħed u daqqa l-ieħor, u minn daqqiet it-tnejn li huma. Jiena nifhem li l-Ministru ma marx jagħżel il-lifts hu, imma suppost hemm nies fil-qorti li għandhom responsabbiltà ħalli dawn il-lifts ġodda, jiffunzjonaw sewwa, jew min biegħhom lill-gvern, ikun jaf li mhux qed iservi għall-iskop li għalih inxtraw. Illum biex tlajt mill-ground floor sat-tielet sular ħadt seba’ minuti. Imbaghad jgħidulek “mghajjat u ma deherx!”
Però hemm hafna li mhux se jibqghu overweight. Ghax wara li jiddejqu jistennew, jitilqu bil-mixi. Darba nzewrtajna Dr Pawlu Lia u jien u bdejna nkantaw.
Miżien ieħor importanti huwa li l-liġijiet ikun up to date. Żmien ilu kollox kien jiddependi fuq li l-ligijiet ikun stampati, u biċċa xoghol biex temenda l-liġi li jkollok. Kien hemm min jidħol għal dan ix-xoghol u jaqla’ biċċa ħobż bil-jam. Issa għall-erwieh il-liġijiet issibhom fuq l-internet. Imma ma nafx x’ġara. Inbidlet liġi, l-Artiklu 417 tal-Kap 9, u għalkemm għaddew ġimgħat il-bidla ma tidhirx. Sar l-Att tal-Parlament nru 1 tal-2018. U hemm l-artiklu 22 li bidel dan l-artiklu 417 iżda fuq l-internet għadu jidher kollox l-antik.
Dan dettall imma jista’ jkun ta’ nkwiet għal xi ħadd.
Kollox jirranġa ruħu. Imma in-nies tistenna bilanċ fil-ħwejjeġ tal-qrati.