Kienu għall-ħabta tal-ħdax u nofs tas-Sibt li għadda li bdiet ġirja kontra l-ħin mill-pumpieri biex jitfu kemm jista’ jkun malajr nirien li tkebbsu fil-Miżieb.
In-niren qerdu mhux biss bosta siġar iżda wkoll ħidma ta’ għexieren ta’ snin minn madwar 300 kaċċattur u nassab.
David Briffa qalilna li kieku ma kienx għax-xogħol ta’ żbir ta’ siġar li sar mill-membri tal-FKNK, kieku llum ma fadalx siġra waħda.
Spjega li bosta siġar li jkunu xxawtu bin-nar imutu waqt li l-ikbar ħsara saret lill-bijodiversitá tal-post.
David Briffa qal: “Iż-żebbuġ forsi jerġa’ jirmi imma l-prinjoli, once li jixxawwat imut, l-ikbar ħsara li saret nerġa ngħid, hija l-bijodiversitá li kien hawn, kamaleonte, wiżgħa, xaħmet l-art, bejtiet tal-buful.”
Waqt li stqarr li beda proċess ta’ riġenerazzjoni, qal li jridu jistennew sa Ottubru biex jaraw liem siġar mietu għalkollox. Biex imbgħad jibda jitneħħa l-materjal il-ħażin u jerġgħu jibdew jitħawlu siġar ġodda.
Is-Sur Briffa qalilna li min-naħa l-oħra n-natura wkoll tagħmel il-parti tagħha sabiex ċertu speċi jerġgħu iżidu l-popolazzjoni tagħhom f’dan il-masġar.
Qal li kienu bosta l-għaqdiet li offrew l-għajnuna tagħhom filwaqt li l-FKNK għaddejja wkoll b’diskussjonijiet mal-Ministeru tal-ambjent dwar triq il-quddiem foshtom biex jiżdied l-inforzar tar-regoli/
Dan għax mhux l-ewwel darba li persuni li jikkampjaw fil-masġar iqabbdu n-nirien biex isajru, anke jekk dan mhux permess.
Stqarr li din mhux l-ewwel darba li saru atti ta’ vandaliżmu fuq il-post. Saħansitra il-lejl ta’ wara l-inċident persuni mhux magħrufa xerrdu ammont ta’ żibel f’parti mis-sit.
Briffa qal: “Aħna biex qabad in-nar għadna ma nafux, għandna s-suspetti tagħna. L-evidenza li għandna tajnihom kollox il-pulizija issa sija l-pulizija biex taħdem hija.”
ONE NEWS huwa infurmat li fost l-evidenza li tista’ titfa dawl fuq kif tqabbdu n-nirien, il-pulizija għandha n-numru tal-vetturi ta’ persuni li ntlemħu ħerġin mis-sit ftit wara li tkebbsu n-nirien filwaqt li nstab apparat li seta’ ntuża biex jitbqabbdu n-nirien.