Il-mixja ta’ solidarjetà mal-Pulizija f’Mejju li għadda saret b’appoġġ u solidarjetà lejn il-korp tal-Pulizija kollu, u mhux minħabba xi każ individwali jew partikolari.
Qalu dan il-Police Officers Union u l-Malta Police Association fi stqarrija b’reazzjoni għal diversi rappurtaġġi fuq il-midja lokali rigward l-istess mixja li saret nhar id-19 ta’ Mejju li għadda.Fost dak irrappurtat il-media fl-aħħar jiem kien hemm ir-rikors li ressqu l-avukati ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ akkużat bl-attentat tal-qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri.
Ir-rikors jgħid li l-każ li qed jinstema’ fil-Qorti fil-konfront ta’ Debono, hu wieħed preġudikat.
Dan għal fatt lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca attendiet għal din il-mixja, u li skont l-avukati ġiet imtella fil-kuntest tal-każ li seħħ ftit tal-jiem qabel jiġifieri tal-attentat ta’ qtil ta’ Simon Schembri.
Għal dawn ir-rapporti fil-media, iż-żewġ unjins pulizjeski enfassizaw il-fatt li din il-mixja ta’ Solidarjeta’ ma kellha l-ebda konessjoni ma’ xi każ. Għalhekk fl-istqarrija tal-lum huma reġgħu ppublikaw is-sejħa għall-istampa oriġinali ta’ nhar is-17 ta’ Mejju.
Is-sejħa kienet tgħid li l-mixja tad-19 ta’ Mejju, se ssir b’appoġġ u solidarjetà lejn il-membri tal-Korp tal-Pulizija, f’dak li jsoffru u jgħaddu minnu kuljum sabiex jaqdu mill-aħjar li jistgħu d-doveri tagħhom b’sogru għalihom u għall-qraba tagħhom.