Il-President ta’ Malta, George Vella, inawgura wirja bl-isem ‘Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali’, li qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.
Imqassma fuq għaxar temi, il-wirja tkopri l-istorja tal-ilsien Malti mill-għeruq Semitiċi tiegħu sakemm fl-1964 ġie ddikjarat bħala l-ilsien nazzjonali ta’ Malta u fl-2004 bħala wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Permezz ta’ dokumenti, kotba u tabelli bit-tagħrif, il-wirja tlaqqa’ lill-pubbliku fost oħrajn mal-Kantilena ta’ Pietru Caxaro, il-prietki bil-Malti ta’ Ignazio Saverio Mifsud, il-kitbiet ta’ Agius de Soldanis u Vassalli, l-unika ħarġa tal-gazzetta ‘L’Arlecchin’ bil-Malti f’Diċembru tal-1838, il-kwistjoni tal-lingwa, it-twaqqif tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, kif ukoll xogħlijiet monumentali bħat-traduzzjoni tal-Bibbja minn Pietru Pawl Saydon u d-dizzjunarju ta’ Ġużè Aquilina.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-President Vella ilmenta li l-użu tal-Malti fostna qed jonqos u li l-Malti qed jiddakkar aktar minn qatt qabel minn elementi tal-lingwa Ingliża. Qal ukoll li l-Malti qed jintilef bil-mod il-mod fost l-eluf ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta.
“Il-mixja biex ilsienna jibqa’ ħaj għadha għaddejja u trid tibqa’ għaddejja. Is-sodisfazzjon li nieħdu meta nsegwu l-mixja tal-Malti sal-għarfien tiegħu bħala lsien nazzjonali tar-Repubblika ta’ Malta u bħala lsien uffiċjali ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea jisfa fix-xejn jekk aħna, il-werrieta ta’ dat-teżor, inwarrbuh jew – agħar – inbarruh minn ħajjitna u mill-ħajja tagħna ta’ kuljum.”
Tkellmu wkoll waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairman tal-Heritage Malta, Mario Cutajar, u s-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, Joseph Borg.