Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Każin Banda San Nikola se jorganizza l-mixja Bibblika, bis-sehem ta’ persuni b’abilitajiet u etajiet differenti li jirrappreżentaw l-aktar persunaġġi importanti tal-Ġimgħa l-Kbira.
Dawn se jkunu qed isebbħu t-toroq tas-Siġġiewi s-Sibt li ġej b’vestwarju mill-isbaħ f’dan ir-raħal sinonimu wkoll mas-Salib tal-Għolja u l-mixgħela annwali bil-fjakkoli.
Il-mixja, li tibda mis-6.00 p.m. mill-Każin Banda San Nikola u tgħaddi mit-toroq tal-madwar, se tara s-sehem ta’ residenti tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi stess, il-Grupp tal-Anzjani tad-Day Centre tal-lokalità u s-Siġġiewi Scouts Group, fost l-oħrajn, waqt li l-Banda San Nikola tinterpreta għadd ta’ marċi funebri.
Dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat permezz tal-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi amministrata mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.