Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se jkun qed jerġa’ jorganizza l-mixegħla tradizzjonali ta’ Ħamis ix-Xirka fi Pjazza San Nikola u ħdejn is-Salib tal-Għolja fil-Girgenti nhar it-28 ta’ Marzu li ġej, f’Ħamis ix-Xirka, mis-sebgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Din l-attività llum il-ġurnata saret parti integali mill-kalendarju t’attivitajiet li jsiru f’Malta u Għawdex fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa tant li tattira eluf ta’ Maltin u devoti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-istess kunsill, tħabbar li, din is-sena, Pjazza San Nikola se tkun qegħda tinxtegħel b’wirja spettakolari ta’ fjakkoli, filwaqt li se jixtegħel ukoll tul il-portiku kollu tal-knisja.
Fl-istess ħin, tul it-telgħa kollha sas-Salib tal-Għolja se tkun qed issir ukoll fjakkolata.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, is-Sindku tas-Siġġiewi, Dominic Grech, ta rendikont tal-attivitajiet li huma mħejjijin u x’għandhom jistennew dawk li jkunu qed jistenna minn dan l-appuntament annwali.
Stqarr, “Din is-sena qed nimmarkaw it-tletin sena minn meta proprju ttieħdet l-inizjattiva biex saret fjakkolata żgħira fuq is-Salib tal-Għolja, ftit ’il bogħod minn hawnhekk. Tradizzjoni li bi pjaċir nibqgħu ngħidu li ġġedded, baqgħet tiġġedded minn sena għall-oħra u llum il-ġurnata hija attività annwali li l-Kunsill Lokali jieħu ħsieb li jorganizza ta’ kull sena u jiffinanzja dan anke wkoll b’kollaborazzjoni ma’ żewġ għaqdiet Siġġiewin.”
Din l-attività qed tiġi organizzata mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, b’kollaborazzjoni mal-Każin Banda San Nikola u l-Grupp Armar Siġġiewi.
Sadanittant, il-President tar-Reġjun Punent, Sandro Azzopardi, sostna dwar il-ħidma tal-istess għaqda fi ħdan l-attività tal-mixegħla.
Sostna, “Ir-Reġjun Punent, din is-sena mhux fuq il-mixegħla biss qed jaħdem, anzi ħasad billi l-ewwel ħriġna fuljett informattiv dwar l-attivitajiet kollha li wieħed isib fi ħdan ir-Reġjun Punent, l-għaxar lokalitajiet li huma relatati mal-ġimgħa mqaddsa. Fil-każ tas-Siġġiewi wkoll bħala Reġjun Punent, tajna fondi addizzjonali ħalli l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi jkun jista’ jkabbar il-mixegħla li ta’ kull sena jorganizza u li skont is-Sindku ilha ssir minn tletin sena ’l hawn.”
Il-Kunsill tas-Siġġiewi temm jirringrazzja lill-Pulizija għall-kontribut tagħhom fit-tħejjijiet u l-loġistika ta’ din l-attività, filwaqt li stieden lill-pubbliku biex jattendi u jikkollabora.