Fil-Knisja ta’ San Duminku fil-Birgu nġiebet il-mitra tal-Papa Dumnikan San Piju V, l-istess Papa li ta l-flus lill-Granmastru La Vallette sabiex jibni l-belt ġdida wara l-Assedju l-Kbir, dik tal-Belt Valletta.
Dan bħala parti mill-okkażjoni tal-450 sena mit-twaqqif tal-ewwel Fratellanza tar-Rużarju f’Malta.
Il-Pirjol tal-Ordni Dumnikana, Patri Aaron Zahra spjegalna: “Fil-fatt din is-sena qed infakkru l-450 sena mill-Batalja ta’ Lepanto li l-Papa San Piju V kien afda f’idejn il-Madonna, kien talab lill-Insara jitolbu t-talba tar-Rużarju Mqaddes u fil-fatt nhar is-7 t’Ottubru tal-1571 iddikkjara r-rebħa u waqqaf il-festa tal-Madonna tar-Rużarju u hawnhekk f’din il-Knisja tal-Lunzjata fil-Birgu, ftit ġimgħat twaqqfet l-ewwel Fratellanza tar-Rużarju f’Malta.”
Il-Pirjol tad-Dumnakani qalilna kien San Piju V huwa l-patrun tal-Provinċja Dumnikani Maltija.
L-istess Papa ħatar lill-ewwel Pirjol ta’ din il-Provinċja bħala l-ewwel kapillan tal-Parroċċa tal-Portu Salvu fil-Belt Valletta.
Patri Zahra sostna: “Għalhekk ħassejna li f’dan l-anniversarju jsir kuntatt mal-Vatikan u l-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore biex ikollna din ir-relikwa tiegħu fostna.”
Dan l-avveniment fil-Birgu jkompli jingħaqad mal-festi speċjali li qed isiru f’din il-Paroċċa, hekk kif qed jitfakkar it-tmien mitt sena mill-mewt ta’ San Duminku.