Il-Mitħna tal-Għaqba fin-Naxxar li nbniet fis-seklu tmintax qed tiġi rrestawrata biex tingħata lura d-dehra oriġinali tagħha. Dan se jiswa’ mal-miljun u mitt elf ewro u mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla.
L-ewwel fażi ta’ restwar f’dan il-proċess jinsab kważi fi tmiemu, hekk kif ġiet ikkonsolidata l-istruttura u tlestew il-ħitan tal-ġnub u ta’ wara nett, filwaqt li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-faċċatta.
Il-perit ta’ dan il-proġett Steven Bonnici qal ma’ ONE News kif il-fażi li jmiss hija dik beix il-mekkaniżmu tal-mitħna jerġa’ jaħdem kif kien.
Bonnici stqarr, “L-aħħar fażi li hija l-aktar importanti hija li jerġa’ jkollu l-makkiniżmu jaħdem bħal li kien jaħdem fi żmien il-Kavallieri bażikament, li jdur u jkun maħdum bl-injam, biex mhux biss in-Naxxar u kull lokalitá li taraha mill-bogħod tapprezza kif kienet qabel.”
Il-Kunsillier Marlon Brincat spjegalna wkoll li aqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet instabu wkoll bosta artifatti antiki li jistgħu jagħtu dawl ġdid fuq din il-mitħna, fosthom id-data mnaqqxa fis-sular ta’ fuq tal-elf seba’ mija sitta u tmenin, li hu maħsub issa li l-mitħna setgħet inbniet f’dik is-sena.
“Sibna data fuq il-bieb, kif titla hawn fis-sular ta’ fuq taraw id-data ta’ meta qed naħsbu li nbniet, alavolja r-riżerki li qed isiru skoprejna li bnew qabel dik id-data li hemm miktuba.” Saħaq Brincat.
Is-sindku tan-Naxxar qalet li din hija waħda mit-tliet imtieħen ta’ żmien il-Granmastru Ramon Perellos, u se tinfetaħ għall-pubbliku bħala ċentru kulturali u attrazzjoni turistika.
“Irridu nagħmluh ċentru kulturali għar-residenti tagħna u għat-turiżmu wkoll, li jkollna wkoll kamra bħala mużew, x’kienu l-affarijiet li kienu jintużaw żmien ilu.” Temmet tgħid is-Sindku Anne Marie Muscat Fenech Adami.