L-Awtorità għat-Teknoloġija u l-Informatika, il-MITA ħabbret strateġija ġdida għat-tliet snin li ġejjin.
Dan tħabbar fl-uffiċċju tal-MITA f’Santa Venera hekk kif ġie spjegat l-importanza tal-aġġornament kontinwu f’dinja diġitali li dejjem qed tiżviluppa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MITA, is-Sur Tony Sultana spjega kif din l-istrateġija ser tkun imsejsa fuq seba’ pilastri differenti u li jvawjaw minn implimentazzjoni ta’ teknoloġija ġdida u anke tiġdid tal-apparat li jintuża għas-servizzi li toffri ta’ kuljum.
Huwa stqarr: “Illum nedejna pjan ta’ tliet snin mit-2021 sa 2023 fejn ħa tieħu lill-MITA fuq strateġija bbażata fuq prinċipji. Prinċipji strateġiċi fejn ħa niffukaw fuq is-sistemi li aħna nistgħu nagħmlu differenza fejn ħa nibbażaw ukoll fuq prinċipji tekniċi fejn ħa niggwadanjaw u nikkapitalizzaw fuq teknoloġija ġdida u fuq operat, kif ħa nkunu iżjed effiċjenti fix-xogħol li nagħmlu għall-Gvern.”
Is-Sur Sultana semma wkoll teknoloġiji emerġenti li huma kruċjali li jibdew jiġu implimentati fl-operazzjonijiet ta’ kuljum ta’ din l-entità governattiva.
Huwa sostna: “F’dan il-perjodu se nimmodernizzaw ukoll is-sistemi tagħna fejn huma l-core competence tagħna, fejn naraw li t-teknoloġija l-ġdida bħal-Cloud Computing u Artificial Intelligence ndaħħluhom fis-sistemi li għandna hawnhekk.”
Intant għal din it-tnedija, attenda l-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri hekk kif sostna l-importanza ta’ din it-triq ‘il quddiem li qed tieħu l-MITA fl-isfond tal-viżjoni tal-Gvern għal pajjiż li jkun aktar diġitali.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Silvio Schembri semma wkoll il-kontribut qawwi li kellha l-MITA waqt il-pandemija hekk kif din kompliet tissalvagwardja l-infrastruttura kollha tal-ICT tal-Gvern anke f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ sfida.
Hawn huwa semma kif il-MITA għenet partikolarment lis-settur tas-saħħa biex setgħu isiru ċ-ċentri ta’ ttestjar, u jitħaddmu s-sistemi tal-intraċċar tal-kuntatti u t-telemedicine.
Żied jgħid kif l-Aġenzija kienet kritika wkoll biex tipprovdi l-għodda kollha lill-aktar minn tletin elf impjegat fis-settur pubbliku.
Il-Ministru Schembri qal, “Il-viżjoni hija importanti li filwaqt li nkomplu ninvestu fl-Infrastruttura u fil-ħiliet tan-nies sabiex naraw li jkollna pajjiż li jkollu l-aħħar teknoloġija sabiex niġbdu l-aħħar investiment lejn pajjiżna naraw li jkollna l-aħjar talent ukoll f’din l-entità.”