Attivisti li jitkellmu favur id-drittijiet tal-annimali fil-Mumbai raw xena mhux tas-soltu, hekk kif bosta klieb li jiġru fit-toroq inbidlilhom l-kulur tal-pil u saru bluni.
Kien proprju wara ftit tfittxija fiż-żona industrijali, post fejn fiha wieħed isib diversi fabbriki, fosthom chemical plants, li x’aktarx sabu r-raġuni wara dan il-misteru.
Filfatt hekk kif fittxu qrib iż-żona, f’postijiet li huma limitati għall-bnedmin iżda li fihom il-klieb jidħlu, sabu tip ta’ kimika li kienet ħierġa mill-fabbriki bil-konsegwenza li tniġġes l-ixmara tal-lokal, Kasadi.
X’aktarx din il-kimika għandha xi tip ta’ żebgħa blu, li meta l-klieb jinżlu fl-ilma minħabba s-sħana li jħossu, huma qed jispiċċaw b’kulur differenti tal-pil, bħal meta wieħed imur għand stilist tax-xagħar u jbiddillu l-kulur ta’ xagħru.
Il-Bord għat-Tniġġis tal-lokal se jkun qed jinvestiga l-każ fejn se tkun qed tittieħed azzjoni kontra dawk li kkawżaw it-tniġġis.