Il-missjoni tan-NASA li tinżel fuq il-pjaneta Mars sabiex tesplora sinjali ta’ ħajja oħra rnexxiet b’suċċess.
Filmati mill-kamra tal-kontroll tan-NASA f’Kalifornja juru l-ħaddiema jinfexxu jċapċpu hekk kif irċivew l-aħbar tal-inżul għall-ħabta tas-1pm tal-ħin lokali.
Liema konferma tal-nżul ħadet madwar 11-il minuta bis-sinjali tar-radju bejn iż-żewġ pjaneti.
Grazzi għal dan il-makkinarju speċjalizzat msejjaħ bħala Perseverance Rover, li għandu forma jixbah dik ta’ karozza u li huwa l-aktar wieħed avvanzat s’issa, anke waslu l-ewwel immaġini ta’ wiċċ din il-pjaneta l-ħamra.
Dan il-mument storiku kien il-qofol ta’ dan il-vjaġġ li dam seba’ xhur fl-ispazju.
Dan is-suċċess jfisser anke serħan il-moħħ għan-NASA, speċjalment meta wieħed iqis l-ispiża ta’ 2.7 biljun dollaru fejn ħafna minnhom diġà ntefqu fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ din il-missjoni.
Madankollu, ix-xogħol iebes għax-xjentisti jibda issa.
Intant il-President Amerikan Joe Biden fuq Twitter awgura lit-tim għal dan is-suċċess miksub filwaqt li sostna l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tan-NASA.