Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis fetaħ il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Unit għall-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru, Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi Sesswali (SOGIGESC) fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn permezz ta’ messaġġ irrekordjat saħaq dwar l-importanza ta’ ħidma ma taqta’ xejn u kordinazzjoni iktar olistika f’dan il-qasam daqstant sensittiv u li jaffettwa l-ħajja ta’ eluf ta’ nies.
Il-Ministru Zammit Lewis, waqt li laqa’ l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali relatat mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Ugwaljanza LGBTIQ u l-Pjan ta’ Azzjoni, qal li għal dan il-Gvern, is-settur tal-LGBTIQ kien u għadu prijorità, u għalhekk ġiet imnedija din l-istrateġija 2018-2022. Huwa ddeskriva din l-istrateġija bħala waħda ġusta, u li trid tiġi implimentata b’mod effettiv.
Il-Ministru żied jgħid li l-Gvern qed jaħdem ma’ għadd ta’ għaqdiet f’dan is-settur, fosthom is-soċjetà ċivili u l-NGO’s relatati, fejn anke rringrazzjahom tal-ideat kostruttivi tagħhom.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Edward Zammit Lewis saħaq li hemm bżonn ta’ iktar xogħol fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa b’relazzjoni ma’ dan is-settur, waqt li rringrazzja lill-predeċessur tiegħu, illum Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, tax-xogħol siewi tagħha f’dan is-settur. Huwa temm billi saħaq li huwa jinsab kommess, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar u mal-kabinett kollu, li jkompli jaħdem fuq ir-riformi neċessarji biex itejjeb il-ħajja tan-nies.