Mess mal-vizzju tad-droga kważi 20 sena ilu permezz tal-eroina u wasslu biex ftit taż-żmien ilu ġie wiċċ imb’ wiċċ mal-mewt.
Din hija l-esperjenza ta’ missier ta’ tifel ta’ sentejn u resident f’Dar Sant’ Anna f’Baħar iċ-Ċagħaq – dar residenzjali għal priġunieri fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin li jkunu waslu qrib it-tmiem ta’ sentenza ta’ abbuż ta’ droga.
Wara dik l-esperjenza r-raġel ħalef li darba għal dejjem jegħleb il-vizzju – kemm għalih u kemm għall-għeżież tiegħu. Huwa sostna ma’ crew ta’ ONE News: “Għamilt ħamest ijiem fuq il-magni bejn ħajja u mewt u ddeċidejt xħin ġejt f’tiegħi li ma rridx ngħaddi l-familja minn xiex għaddejt, ma rridx li jiena nerġa’ ngħaddi milli għaddejt u l-istess it-tifel għax għandi tifel ta’ sentejn. Ħadt id-deċiżjoni li nibda programm.”
Qal li beda jabbuża mill-eroina iżda tul is-snin qabad ukoll il-vizzju tal-kokaina. Spjega li wara li daħal il-ħabs sab lid-direttur tal-Ħabs li offrielu l-għażla li jidħol f’din id-dar residenzjali mmexxija mill-Caritas.
Huwa kompla jgħid: “Hawnhekk issib ħafna għajnuna. Jekk tagħżel li tkun trid tagħmel xi ħaġa f’ħajtek naħseb il-Caritas ittik l-għodda kollha biex tagħmel dan biex tirranġa ħajtek.”
Spjega li fl-erba’ xhur li ilu fir-rijabilitazzjoni sab l-għajnuna kollha biex jibda ħajtu mill-ġdid. Fosthom it-terapija, iżda wera l-fehma li l-vera programm jibda hekk kif jixref il-barra mid-dar ftit xhur oħra u jerġa’ jibda jaffaċċja l-ħajja.
Huwa qal: “Naħseb li d-deċiżjoni meta teħodha m’għandekx issib problema, naħseb il-ħajja clean hija sabiħa ħafna. Hawnhekk juruk kif tgħix ħajja clean sabiħa, m’għandekx bżonn affarijiet u naħseb mhux sewwa tuża dan iż-żmien ħażin għax fl-aħħar mill-aħħar għall-ħajti li ħa nagħmel.”
B’esperjenza bħal din li se jibqa’ jġorr tul ħajtu, ir-raġel kellu appell lejn dawk li jinsabu fix-xifer li jaqgħu f’dan il-vizzju misħut.
Huwa temm jgħid: “L-ewwel naħseb kollox jiġik ħelu. Il-konsegwenzi tagħha koroh wisq u min għaddej minn din il-problema diġà ma jkomplix jaħseb kif kont naħseb jien li forsi ħa tieqaf waħdek għax għamilt kważi għoxrin sena sejjer hekk u llum tal-aħħar u jien kapaċi nieqaf waħdi.”
Il-missier huwa wieħed minn 152 ruħ li fl-aħħar ħames snin ibbenefikaw minn dan il-programm ta’ 10 xhur f’Dar Sant’ Anna li għal tliet snin oħra sabet l-appoġġ tal-Gvern b’għajnuna ta’ kważi miljun ewro.
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega l-ħidma ta’ rijabilitazzjoni li ssir f’din ir-residenza fil-komunità.
Gatt spjega: “Huwa partikolarment importanti għax b’hekk il-bniedem tkun qed tgħinu fil-fażi delikata ħafna meta ħa jerġa’ jidħol lura fis-soċjetà allura minflok il-ħasda li mill-ħabs spiċċa ruħu barra, bniedem kellu l-opportunità li jaħdem fuqu nnifsu u jibni relazzjonijiet healthy.”
Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal li din id-dar hija xempju tal-eżempju li jittieħdu l-bżonn tal-persuni biex ma jaqawx jew ma jibqgħux vittmi tal-vizzju tad-droga.