Il-gazzetta rinomata fl-Ingilterra, Mirror, irrapportat dwar kif bosta ammiraturi tal-Eurovision Song Contest jinsabu rrabjati u ddiżapuntati ferm wara li l-kanzunetta Maltija ‘Kant’ ġiet iċċensurata mill-European Broadcasting Union, l-EBU, fejn talbet biex titneħħa l-kelma bl-Ilsien Malti mil-lirika oriġinali.
Intqal li dan sar ftit jiem biss qabel, fl-10 ta’ Marzu li ġej, iridu jiġu sottomessi l-kanzunetti finali mill-pajjiżi. L-ilment kontra Malta sar minn Scott Mills, rappreżentant tal-BBC, li qal li d-diska mhix xierqa li tiġi mxandra.
Fl-artiklu tal-Mirror ġie spjegat li Miriana marret virali fuq il-midja soċjali, speċjalment fuq il-pjattaforma TikTok, b’nies minn madwar id-dinja kollha jikkummentaw dwar il-kanzunetta u kif il-kantanta Maltija qed tippromwovi l-femminiżmu.
Intqal li bosta nies esprimew id-diżappunt tagħhom, fosthom l-artist Malti bbażat f’Wales, id-drag queen Greta Tude, li tkellem dwar il-fatt li l-EBU nnotifikat lill-PBS ġimgħa biss qabel l-għeluq tas-sottomissjonijiet, meta d-diska ilha magħrufa xahar.
Tenna li din hi biss diskriminazzjoni diretta fuq il-kultura u l-identità Maltija, anke għax ir-Renju Unit innifsu s-sena l-oħra kellu diska b’interpretazzjoni senswali. Insista li Malta jistħoqqilha rispett.
Kienu oħrajn li għaddew ukoll suġġerimenti ta’ x’tista’ tagħmel Malta fir-rigward tad-diska biex iddur ma’ din iċ-ċensura.
ONE News l-Erbgħar tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-PBS, Keith Chetcuti, li qed isiru d-diskussjonijiet neċessarji mal-EBU, għax, skonthom ukoll, din mhi xejn għajr diskriminazzjoni kontra l-lingwa Maltija.