F’laqgħa ma’ 51 student li bħalissa qed jispeċċjalizzaw fil-liġi Marittima, l-Minstru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela li huwa responsabbli mill-iżvilupp sostenibbli fakkar fil-politika tal-Gvern dwar il-qasam, fosthom kif il-miri tal-2030 tan-Nazzjonijiet Magħquda huma fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern.
Dan qalu b’referenza għas-17-il għan differenti tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar temi differenti ta’ żvilupp sostenibbli li jridu jintlaħqu mill-193 membru tal-UN sal-2030.
Il-Ministru Abela stqarr: “Bħala pajjiżi mhux biss irridu naraw li nilħqu l-miri tagħna u l-popli tagħna u l-popli tagħna jħossu aħjar imma li ġnus oħra jiġu mgħejjuna jekk jaqgħu lura.”
Il-Professur u Direttur tal-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima David Attard, rrefera għall-fatt li issa l-iżvilupp sostenibbli waqa’ taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru bħala żvilupp importanti fl-impenn Malti lejn il-qasam. Dan filwaqt li l-Istitut innifsu għandu pjan għall-istudenti tiegħu wkoll.
Dr Attard sostna li “Qed inwettqu pjan biex avukati li jistudjaw hawn jimplimentaw dawn il-miri b’mod partikolari fl-ibħra.”
Malta minn dejjem kellha interess qawwi fil-ħarsien tal-ibħra u l-ħtieġa li l-leġislazzjoni internazzjonali li tirregola l-ibħra tkun waħda li tpoġġi enfasi fuq l-użu tar-riżorsa tal-baħar għall-aħjar interess tal-umanità. Illum, il-pajjiżi qed jitkellmu fuq it-tkabbir tal-ekonomija l-blu, fejn wieħed jara li jsir użu sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani għat-tkabbir ekonomiku, titjib fl-għixien u fl-impjiegi filwaqt li tinżamm is-saħħa tal-ekosistema tal-oċeani.
Il-Ministru Abela kkonkluda billi qal li Malta tara s-sostenibbiltà tal-oċeani madwar id-dinja bħala prijorità ewlenija, u se tibqa’ tkun attiva fuq livell globali f’dik li hija sostenibbiltà tal-ibħra.