“Daqskemm naħdmu u niddeċiedu b’moħħna rridu nħallu lill-qalbna tkun il-gwida politika tagħna.”
Dan kien is-sentiment tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-Kabinett ġewwa l-binja tal-Fondazzjoni Inspire u li ffukat fuq il-qasam soċjali ta’ pajjiżna fosthom is-Solidarjetà Soċjali, l-Anzjanità Attiva u l-Inklużjoni.
Dr Abela sostna li l-isfidi tal-aħħar 15-il xahar bl-ebda mod ma xejnu l-valuri tal-ġustizzja soċjali ta’ dan il-Gvern. Hawnhekk fost affarijiet oħra il-Prim Ministru elenka l-aħħar statistika fejn fiha ntwera li fl-aħħar sena naqsu b’1,000 dawk il-persuni severament imċaħħda materjalment.
Il-Prim Ministru stqarr: “Il-mira għaż-żmien li ġej trid tkun li nkomplu nnaqqsu l-faqar. Innaqqsu dan il-faqar billi l-ewwel nett nirrikonoxxu li jeżisti u ma ngħidux li huwa perċezzjoni iżda wkoll billi nkabbru l-ekonomija biex imbagħad bħala pajjiż nibqgħu ninvestu.”
Il-Prim Ministru aċċenna għal din il-ħidma kontinwa tal-Gvern sabiex jeradika l-faqar billi l-ewwel nett jirrkonoxxi li jeżisti. Dan b’differenza għall-amministrazzjoni Nazzjonalista li kienet tgħid kif il-faqar huwa perċezzjoni.
Dwar il-qasam ta’ persuni b’diżabilità, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif Gvern Laburista kiseb ħafna tul l-aħħar snin fosthom biż-żieda ta’ aktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.
Madankollu sostna li issa qed iħares ’il quddiem għad-diskussjoni fuq l-istrateġija nazzjonali fuq id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Dr Abela qal, “Issa rridu nħarsu lejn l-għaxar snin li ġejjin. Għalhekk inħares ’il quddiem għal diskussjoni akbar dwar l-istrateġija nazzjonali fuq id-drittjiet ta’ persuni b’diżabilità. Din l-istrateġija hija s-sisien li bihom Malta se tkun qed tiġi konformi mal-konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità li pajjiżna diġà huwa firmatarju tagħha.”
Waqt id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-anzjani.
Tenna kif dan il-Gvern investa kemm felaħ fil-pensjonanti fosthom biż-żieda fil-pensjonijiet u l-assigurazzjoni ta’ mediċini disponibbli. Fil-fatt, fakkar ukoll kif fl-aħħar jiem tħabbar roħs fi 42 mediċina oħra.
Dr Abela tenna wkoll li permezz ta’ skemi u inċentivi aktar anzjani qed jgħixu fil-komunitajiet tagħhom biex b’hekk tibqa’ tiġi assigurata kwalità ta’ ħajja tajba. Il-Prim Ministru nnota wkoll b’dispjaċir il-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, dwar l-anzjani.
Huwa sostna: “Ixxukkjajt ruħi meta smajt lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid fid-dibattitu dwar ir-riforma fil-liġi tal-kera, li s-soluzzjoni għalih kienet li naraw kif nagħmlu biex l-anzjani nibgħatuhom jgħixu f’residenzi tal-anzjani. Dik għalih is-soluzzjoni għall-kirjiet. Aħna rridu li l-anzjani jgawdu minn servizzi fil-kumdità ta’ darhom,” qal il-Prim Ministru.
Fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-binjiet il-ġodda f’San Vinċenz de Paul, il-Prim Ministru spjega li jinsab infurmat li s-servizz mogħti fl-isptar San Vinċenz huwa uniku u ma jistax jitqabbel ma’ servizzi tad-djar tal-anzjani oħrajn. Dr Abela spjega wkoll li l-504 sodod ġodda kienu importanti ħafna biex tonqos il-lista ta’ stennija u l-anzjani f’Mater Dei, filwaqt li fl-istess ħin iservu ta’ alternattiva waqt il-pandemija.
Madankollu, Dr Abela tenna li r-rapport tal-Awditur Ġenerali għandu jiġi analizzat b’reqqa u jittieħdu t-tagħlimiet minnu. Sostna imma li l-benefiċċji ta’ dan il-proġett għall-anzjani mhumiex ftit u rridu nassiguraw li noħduhom kollha.
Intant, il-Prim Ministru spjega li r-rata ta’ vaċċinazzjoni b’saħħitha kienet ta’ ġid kbir għall-anzjani.
Huwa saħaq: “Illum għandna numru kbir ta’ anzjani li għaliex huma mlaqqma qed imorru lura għan-normalità u li fl-aħħar jiem tkellmu dwar kif anke meta ftaħna l-ħwienet ħassewhom aktar kunfidenti li joħorġu jagħmlu l-qadi tagħhom biex jixtru jew għaliex le biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom.”
Il-Prim Ministru temm jgħid li l-mira ta’ dan il-Gvern għaż-żmien li ġej tibqa’ li ħadd ma jaqa’ lura: “Dik il-mira għaż-żmien li ġej fejn filwaqt li naqbdu r-ritmu u nkomplu mexjin b’saħħitna ’l quddiem, naraw li mat-triq ħadd ma jaqa’ lura u min ikun se jaqa’ lura jkollna sistema li toħroġlu idejha u tiġbdu ’l quddiem għax dan pajjiż li fih kulħadd irid ikollu livell ta’ għejxien diċenti u li fih kulħadd għandu jaspira li jilħaq aktar u jwettaq iżjed.”