Se tiġi inawgurata fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun esebizzjoni bil-minuti antiki tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista mill-perjodu bejn l-1921 u l-1944 il-Ħamis 25 ta’ April fil-5.30 p.m.
Il-Partit Laburista qed jippubblika wkoll dawn il-minuti tal-laqgħat tal-ogħla organu tiegħu, li saru bejn il-5 ta’ Frar tal-1928 u s-17 ta’ Settembru tal-1944, fi ktieb ġdid tal-SKS intitolat ‘Bejn l-Erba’ Ħitan tal-Partit Laburista 1928-1944’.
Fl-1995 il-Partit Laburista kien ukoll ippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-Eżekuttiv ta’ bejn is-6 ta’ Settembru 1921 u t-8 ta’ Frar 1928 fil-ktieb ‘Il-Bidu – L-Ewwel Snin tal-Partit Laburista’.
Id-dokumenti interni storiċi tal-Partit Laburista jiżvelaw kif ġimgħa wara ġimgħa u sena wara l-oħra, aġixxew il-mexxejja tiegħu quddiem l-isfidi u l-problemi li ffaċċja dan il-partit ġdid, li twaqqaf biex jiddefendi lin-nies tax-xogħol u biex f’pajjiżna ikun hawn hawn il-ġustizzja soċjali.
Dawn id-dokumenti huma ta’ siwi kbir, għax huma linji li jibqgħu jiggwidaw lill-Partit Laburista fiċ-ċirkostanzi anke tal-lum. Kienu snin li matulhom żgħażagħ li ħolmu b’soċjetà ġusta u ħielsa ngħaqdu fil-Partit Laburista.