Fi stqarrija l-Ministru Konrad Mizzi rrefera għall-allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet li saru f’rapport minn The Times of Malta fejn qal li huma repetizzjoni ta’ allegazzjonijiet u spekulazzjonijiet mingħajr bażi li saru lura fl-elezzjoni ta’ Ġunju tal-2017.Mizzi sostna li ma hemm ebda konnessjoni, dirett jew mod ieħor, bejn Mizzi, il-kumpanija tiegħu jew trust, u l-entità bl-isem ta’ 17 Black, li l-kumpanija mill-Panama, Hearnville Inc. ma kellha ebda kont bankarju u ma rċevietx pagamenti.
L-istqarrija spjegat kif aktar tard illejla, is-sit Times of Malta allega li lura fl-2015, somma kbira ta’ flus ġiet trasferita lil kumpanija bl-isem ta’ 17 Black. L-istess sit ipprova jagħmel konnessjoni bejn l-entità u Mizzi.
L-istqarrija spjegat kif il-Ministru Mizzi rrisponda għal mistoqsijiet li saru minn ġurnalisti li jagħmlu parti minn Daphne Project, b’mod ċar u miftuħ, u stqarr li hu;
- ma jafx lil Ażerbajġani msemmi minnhom li għamel pagament lil 17 Black
- li ma jafx dwar pagament li allegatament sar minn “Orion Engineering Group” lil 17 Black.
L-istqarrija spjegat li l-awditjar li sar b’mod indipendenti dwar it-trust ta’ Konrad Mizzi u l-istruttura tal-kumpanija tlestew minn aġenzija internazzjonali tal-awditjar ħarġet ir-riżultat li kien juri li kollox kien skont ir-regoli.