Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħa sehem f’laqgħa li kienet immexxija għall-ewwel darba mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill Ewropew.
Fost oħrajn il-Ministri għall-Ġustizzja ddiskutew l-immaniġġjar tal-pandemija f’demokraziji liberali, il-ġlieda kontra informazzjoni żbaljata u diskors ta’ mibegħda.
Il-Ministru Malti spjega kif l-istituzzjonijiet Maltin irnexxielhom jimmaniġjaw sew din il-pandemija biex ikunu assigurati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini anki fi żmien ta’ kriżi.
Qal ukoll li x-xogħol parlamentari baqa’ għaddej ġmielu biex b’hekk l-iskrutinju fuq ix-xogħol tal-eżekuttiv kompla mingħajr xkiel.
Il-qrati wkoll kienu disponibbli għal każijiet ta’ emerġenza flimkien ma’ dawk li huma fl-interess pubbliku li jkomplu jinstemgħu. Dan filwaqt li l-qrati reġgħu nfetħu mal-ewwel opportunità skont il-pariri li ngħataw mill-awtoritajiet tas-Saħħa.
Il-Ministru saħaq li dawn l-aħħar xhur kienu kruċjali għal pajjiżna hekk kif il-Gvern kompla jaħdem fuq riformi id f’id mal-Kummissjoni Venezja dwar ir-rakomandazzjonijiet li taw filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea baqgħet involuta f’dan il-proċess.
Fuq diskors ta’ mibegħda u informazzjoni mhux korretta, il-Ministru saħaq li dawn huma l-għedewwa tad-demokrazija u l-valuri tagħna. Dan filwaqt li stqarr li fuq livell nazzjonali, hemm imfassal qafas legali propju għal dan il-għan.
Min-naħa amminstrattiva, reati u diskorsi ta’ mibegħda qed jingħataw prijorità anke f’riforma wiesgħa li qed issir fil-Korp tal-Pulizija, billi dawn se jiġu pprovduti aktar riżorsi anke bit-tisħiħ tas-Cybercrime Unit.
Il-Ministru Zammit Lewis temm jgħid li huwa d-dmir tagħhom bħala Ministri li jassiguraw il-protezzjoni tal-valuri tagħna, taċ-ċittadini u tad-demokrazija.