Iċ-Chairperson tal-OSCE u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, iltaqa’ mal-President tal-Każakistan Kassym-Jomart Tokayev fil-belt kapitali, Astana, it-Tlieta, waqt l-ewwel waqfa minn żjara uffiċjali ta’ tlett ijiem tal-OSCE fl-Asja Ċentrali.
Il-Ministru Borg wassal sentiment ta’ simpatija u appoġġ għall-poplu tal-Każakistan, wara l-għargħar devastanti li laqat diversi nħawi tal-pajjiż fl-aħħar xhur.
Iċ-Chairperson tal-OSCE enfasizza r-rwol importanti tal-OSCE u sostna li l-koperazzjoni reġjonali hi ċ-ċavetta għall-istabbilità u s-sigurtà fl-Asja Ċentrali u lil hinn minnha.
Il-Ministru Borg tenna li l-OSCE hi lesta li tkompli tappoġġja lill-Każakistan fit-twettiq tal-pjani u l-liġijiet li adotta riċentament biex itejjeb id-drittijiet umani, is-saltna tad-dritt, id-drittijiet tan-nisa u s-sigurtà tat-tfal.
“Bħala Charperson tal-OSCE qattajt ġurnata laqgħat fil-Każakistan, fejn hawn l-OSCE għandha l-uffiċċji tagħha, iltqajt mal-President, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, mal-Parlament kif ukoll mal-Qrati u mas-soċjetà ċivili u l-ħaddiema ta’ dan l-uffiċċju. Kienet esperjenza interessanti dwar ir-riformi u anke kemm għad fadal xi jsir, u x’qed tagħmel din l-organizzazzjoni li tħares is-sigurtà b’mod komprensiv u fejn irridu mmorru minn hawnhekk.”
Fil-Każakistan, iċ-Chairperson tal-OSCE ltaqa’ wkoll maċ-Chairperson tas-Senat u ċ-Chairperson tal-Qorti Kostituzzjonali.