Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Istat għall-Ewropa ta’ Franza, Laurence Boone, li tinsab għal żjara f’Malta.
Suġġett ewlieni fid-diskussjoni kien l-immigrazzjoni. Il-Ministru Borg saħaq fuq l-importanza li l-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjonijiet b’saħħithom biex mill-aktar fis timplimenta l-pjan ta’ azzjoni konġunt li kien sar qbil dwaru f’Malta. B’hekk issir ir-riforma li tant hemm bżonn. Huwa rringrazzja lil Franza għall-assistenza li tat lil Malta f’dan il-qasam.
Il-Ministru Franċiża Boone sostniet li l-immigrazzjoni mhijiex suġġett li għandu jiġi indirizzat b’mod individwali f’kuntest ta’ pajjiż jew ieħor iżda hija kwistjoni Ewropea li trid tiġi indirizzata b’mod kollettiv u ħolistiku.