Illum, il-Ministru tal-Finanzi Ingliż Rachel Reeves, mistennija tħabbar aktar tnaqqis fil-baġit tas-servizzi soċjali wara li kienet infurmata li r-riformi mħabbra l-ġimgħa l-oħra kienu se jiffrankaw anqas minn dak ippjanat.
Filfatt l-Uffiċċju tar-Responsabbiltà tal-Baġit ma aċċettax l-istimi tal-gvern li l-pakkett ta’ miżuri, inkluż fejn biddel il-kriterji ta’ eliġibiltà għall-pagamenti personali ta’ indipendenza, kien se jiffranka £5 biljun iżda qal li l-figura hija £3.4 biljun.
Dan fisser li l-Gvern Ingliż irid jara minn fejn se jġib £1.6 biljun oħra.
Jidher li Reeves illum se tkun qed tħabbar li l-kreditu universali tal-inkapaċità għal applikanti ġodda, li taħt il-pjan oriġinali kien ġie mnaqqas bin-nofs, issa se jkun iffriżat sal-2030 u mhux jiżdied skont l-inflazzjoni.
Diversi Membri Parlamentari Laburisti ikkritikaw dawn il-miżuri li, skont huma, se jkunu qed jitfgħu fil-faqar aktar nies morda u li jsofri minn xi diżabbiltà. Filfatt, l-eks mexxej Laburista Jeremy Corbyn, it-Tlieta sostna li l-pakkett ippreżentat kien tal-mistħija u akkuża lill-Gvern li qed jimponi l-awterità fuq il-pajjiż.