L-użu tat-teknoloġija innovattiva u diġitali fid-dixxiplina sportiva tal-futbol u kollaborazzjoni fi proġetti ta’ esports kienu s-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-uffiċjali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (l-MFA), immexxija mill-President Bjorn Vassallo.
Il-Ministru Schembri, għamel referenza għall-istrateġija mħabbra mill-MFA għall-futbol Malti sas-sena 2024, fejn wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li s-servizz lejn il-komunità tal-futbol jiġi msaħħaħ permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni.
Tkellem dwar kif it-teknoloġija innovattiva u diġitali, ser issir pedament importanti fl-analiżi xjentifika tal-logħba tal-futbol.
Il-Ministru Schembri semma wkoll kif fuq livell Ewropew u internazzjonali, diversi klabbs diġà qed jagħmlu użu minn teknoloġija innovattiva diġitali bħal dik tal-Intelliġenza Artifiċjali, sabiex itejbu l-prestazzjoni tat-timijiet tagħhom.
Il-Ministru Schembri offra l-appoġġ tal-Ministeru għall-Ekonomija, sabiex l-assoċjazzjoni tkun tista’ tibda tistudja u tesplora l-possibbilitajiet eżistenti għall-introduzzjoni ta’ tali teknoloġiji diġitali.
Huwa faħħar il-ħidma li qed tixpruna l-MFA għal iżjed parteċipazzjoni mit-tfal f’din id-dixxiplina sportiva. Dan sabiex l-MFA tkun tista’ tidentifika u trawwem talent minn età żgħira għal prospettivi kemm fuq żvilupp tal-karattru u ta’ karriera. Waqt din il-laqgħa fil-Kwartieri Ġenerali tal-MFA fl-istadium f’Ta’ Qali, il-Ministru Schembri faħħar l-MFA għall-mod ta’ kif b’ħidmietha qiegħda ssaħħaħ ir-rispett u l-entużjażmu għal-logħob tal-futbol mit-tim nazzjonali Malti.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo qal li l-assoċjazzjoni tilqa’ b’entużjażmu l-viżjoni tal-Gvern li jlesti lil pajjiżna għall-ġenerazzjoni li jmiss grazzi għall-progress teknoloġiku.
Huwa qal li mill-2017, l-Assoċjazzjoni bdiet proċess ta’ diġitalizzazzjoni li fl-aħħar perjodu kien ukoll estiż għall-innovazzjoni permezz ta’ proġetti fejn tidħol l-Intelliġenza Artifiċjali u sistemi oħra, fosthom dawk ta’ programmi speċifiċi li jiġbru data analitika li tintuża fil-futbol biex insaħħu l-prestazzjoni tal-plejers fit-timijiet nazzjonali u l-għarfien tal-persunal, apparti dak li diġà kien qiegħed jiġi analizzat permezz tax-xjenza sportiva.
Vassallo sostna li l-MFA hija kommessa li dan kollu tifirxu ukoll fil-livell tal-klabbs lokali għaliex huwa hekk biss li l-isport f’Malta jista’ jeċċella għal-livelli professjonali.
Is-Sur Vassllo sostna li l-MFA diġà ħadmet fuq proġetti fosthom it-twaqqif tad-dipartiment tal-esports, li sussegwentement wassal għall-ħolqien tal-BOV ePremier League li llum huwa avveniment ta’ kwalifikazzjoni uffiċjalment liċenzjat bħala parti mill-EA SPORTS FIFA Global Series u segwit minn eluf ta’ dilettanti.
Huwa temm jgħid li fid-dokument strateġiku tal-Malta FA hemm objettivi importanti li jridu jintlaħqu biex l-Assoċjazzjoni tibqa’ kompetittiva f’era ġdida diġitali fejn it-teknoloġija saret il-mezz ewlieni ta’ interazzjoni. B’hekk l-Assoċjazzjoni laqgħet b’entużjażmu l-viżjoni tal-Gvern li jlesti lill-pajjiżna għall-ġenerazzjoni li jmiss grazzi għat-trasformazzjoni teknoloġika.