Quddiem l-isfida tal-għoli tal-ħajja, il-Gvern xammar il-kmiem u nnegozja mal-importaturi u l-bejjiegħa biex ikun hemm stabbiltà fil-prodotti tal-ikel essenzjali. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ minħabba l-fiduċja ekonomika tal-pajjiż li għandhom il-bejjiegħa u l-importaturi.
Qal dan il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri waqt il-bullettin tal-aħbarijiet ta’ ONE News, fl-ewwel jum li daħħlet din l-inizjattiva.
Il-Ministru Schembri tkellem kif din l-inizjattiva se tibqa’ fis-seħħ sat-tħabbira tal-baġit li ġej minħabba li skont tbassir internazzjonali, fosthom dawk tal-Kummissjoni Ewropea, qed jitbassar li sa tmiem din is-sena, l-inflazzjoni tal-ikel se tinżel fil-livell ta’ qabel bdew l-isfidi internazzjonali bla preċedent, jiġifieri dak ta’ qabel il-pandemija globali.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li għall-familji hi inizjattiva tajba u se tgħinhom f’din l-isfida, iżda l-Partit Nazzjonalista qed imaqdar din l-inizjattiva b’saħħitha għall-familji Maltin u Għawdex.