Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri ltaqa’ mal-Ministru tal-Ekonomija tal-Armenja Gevorg Papoyan ġewwa Yerevan fl-Armenja, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi u l-potenzjal ta’ iktar attività ekonomika bejn Malta u l-Armenja. Il-ministri tkellmu fuq possibilitajiet ta’ investimenti f’oqsma bħat-teknoloġija u r-riċerka, kif ukoll opportunitajiet ta’ koperazzjoni bejn entitajiet varji miż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Schembri semma li f’Malta għandna kumpaniji Armeni fil-qasam tat-teknoloġija u tal-gaming li qed ikomplu jinvestu. Ġiet diskussa wkoll il-possibilità li jkun hemm setturi oħra bħal software development li jħarsu lejn Malta bħala l-bażi Ewropea ta’ kumpaniji mill-Armenja.
Il-Ministru Popoyan min-naħa tiegħu qal li l-Armenia hija miftuħa għal investiment mill-Unjoni Ewropea b’mod partikolari biex tissaħħaħ l-ekonomija diġitali, l-ekosistema tal-istart-ups fl-Armenja u fil-qasam tal-blockchain, AI, cybersecurity u video game development. Iż-żewġ ministri qablu wkoll fuq il-bżonn ta’ konnettività aħjar bejn iż-żewġ pajjiżi permezz ta’ rotot iktar effiċjenti tal-ajru.
Il-Ministru Silvio Schembri kellu laqgħat ma’ kumpaniji b’interess f’Malta matul iż-żjara fil-kapitali Armena. Huwa kien akkumpanjat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-INDIS Malta Jean-Pierre Attard u mill-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.