Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, attenda għal laqgħa tal-Informal Competitivness Council f’Budapest, fejn irrimarka l-miżuri pro-attivi li pajjiżna qed jieħu biex jimbotta dejjem iżjed favur l-elettrifikazzjoni tal-vetturi, kif ukoll it-tnedija riċenti tal-iskema ‘Green Mobility’.
Il-Ministru enfasizza dwar il-bżonn ta’ inizjattivi regolatorji li jagħtu ċans lin-negozji jagħmlu din il-qalba mingħajr ma ttellef il-kobor u l-kompetittività tagħhom.
Biż-żmien jagħfas għall-mira Ewropea favur carbon neutral, il-Ministru saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tkompli bl-impenn strateġiku u l-ippjanar adegwat.
Fl-isfera diġitali, Malta għamlet avvanzi kbar u dan ġie kkonfermat mid-Digital Decade Country Report 2024 fejn, hawnhekk, il-Ministru tenna kemm l-awtorità kompetenti tal-AI, li ġiet stabbilità fl-2018, kien strumentali biex tiżviluppa l-Istrateġija nazzjonali f’dan ir-rigward.
Il-Ministru Schembri temm billi jassigura li Malta hi impenjata biex tikkollabora ma’ ċentri ta’ innovazzjonijiet diġitali Ewropej u li negozji żgħar se jibbenefikaw mill-investimenti diġitali. L-Intelliġenza Artifiċjali se tkun importanti għat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u se jħeġġeġ għal aktar investimenti f’dan is-settur fiż-żmien li ġej.