L-għajdut u allegazzjonijiet foloz li qed isiru f’pajjiżna kif ukoll fil-fora Ewropea qed jagħmlu ħsara lis-settur finanzjarju Malti u huma ta’ detriment għall-pajjiż u l-ekonomija. Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fil-Parlament.
Dan b’reazzjoni għal dak li qalet il-Membru Parlamentari Kristy Debono, fejn għamlet allegazzjonijiet dwar l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji u Henley & Partners.
Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu fit-tieri qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar il-prevenzjoni ta’ abbuż fis-swieq finanzjarji, il-Ministru Scicluna qal li Membri Parlamentari Ewropej qed jingħataw informazzjoni falza dwar rapporti ta’ evażjoni tat-taxxa.
L-abbozz, li għadda wkoll mill-istadju tal-kumitat, jipproponi emendi biex ikun hemm pieni aktar ħorox għal dawk li joħorġu llegalment informazzjoni sensittiva u jimmanipulaw is-swieq. Il-piena lil minn jikkommetti offiżi bħal dawn issa telgħet minn €150,000 għal massimu ta’ €15,000,000.
L-emendi huma maħsuba biex in-negozji u l-istock brokers ma jabbużawx bl-għan li l-investituri jiġi protett, partikolarment l-investitur iż-żgħir.