“Hija frotta iżda bħal bajtra tax-xewk trid toqgħod attent kif se żżommha”.
Hekk iddeskriva l-pakkett t’għajnuna mħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.
Il-Ministru Scicluna qal li wieħed irid jara kif se jingħataw il-flus bħala għajnuna għal wara l-pandemija fejn spjega li rridu nanlizzaw xi flus se jkunu qed jingħataw u oħrajn li se jingħataw f’self.
“Ma nistgħux niġu f’sitwazzjoni fejn nissellfu iżjed biex inħallsu dak imsellef”, spjega il-Ministru għall-Finanzi fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija fil-ħin tal-mistoqsijiet.
Qal li l-pakkett t’għajnuna tal-Gvern Malti jindirizza l-ħtiġijiet tan-negozji u l-ħaddiema filwaqt li spjega li dak tal-Unjoni Ewropea se jsellef flus lil dawk il-pajjiż li ma sabux min isellifhom.
Qal li pajjiżna ma jistax iħares lejn il-wiċċ tal-pakkett imma x’hemm jolqotna anki negattiv fosthom taxxi.
“Il-Kummissjoni Ewropea trid tintroduċi taxxi marbuta mat-tibdil fil-klima li fil-prinċipju naqblu magħhom iżda ma tistax inti żżid taxxi fuq l-linji tal-ajru u l-bastimenti”, qal Edward Scicluna li spjega kif dan jolqot il-qasam turistiku tant importanti għall-pajjiżna.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali, l-Unjoni Ewropea u anki l-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu kienu realistiċi meta sostnew li pajjiżna jista’ jamministra sew l-impatt ekonomiku mill-pandemija.
“Irridu niftakru minn liema sitwazzjoni telaq pajjiżna qabel faqqgħet il-Coronavirus f’pajjiżna”, aċċenna l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija fil-ħin tal-mistoqsijiet.
Saħaq li Malta għandha ekonomija reżiljenti u fakkar kif pajjiżna kien fost l-uniċi li ma marx għal-lockdown totali.
“Vera li kellna t-toroq iżjed kwieti imma kellna bosta servizzi fosthom dawk finanzjarji li baqgħu għaddejin fl-eqqel tal-pandemija”, qal il-Professur Scicluna.