Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri ngħata rikonoxximent għall-ħidma tiegħu fil-qasam tal-Gaming minn SIGMA.
Dan ir-rikonoxximent, ‘The Outstanding Contribution of the Year Award’, ingħata lill-Ministru Schembri għall-ħidma tiegħu li għamlet differenza fis-settur tal-gaming f’pajjiżna. Fil-preżentazzjoni tal-premju, il-Ministru Schembri ġie mfaħħar għall-ħidmietu, sa minn meta kien Segretarju Parlamentari responsabbli minn dan is-settur. Dan biex f’pajjiżna jkun hawn klima fejn dan is-settur ikompli jikber u jevolvi, filwaqt li jħares lejn teknoloġiji u niċeċ ġodda li jkomplu jagħmlu minn dan is-settur attraenti u innovattiv.
F’kummenti li ta, il-Ministru Silvio Schembri qal li llum komplejna nevolvu l-qasam tal-gaming b’niċeċ ekonomiċi ġodda bħalma huma l-video game development u l-esports. Il-ħidma bdiet bi strateġija ppubblikata fl-2019 u minn dak in-nhar lil hawn rajna diversi kumpaniji kemm lokali kif ukoll barranin jiftħu l-bibien tagħhom f’pajjiżna, bl-aħħar waħda tkun Keyword Studios, kumpanija li timpjega 11,000 persuna, li fetħet ċentru f’pajjiżna. Jumejn ilu din il-kumpanija għamlet recruitment drive f’pajjiżna u l-entużjażmu miż-żgħażagħ Maltin li pparteċipaw kien kbir. Fil-qasam tal-esports, ġie ffirmat ukoll ftehim ma’ ESL fejn it-tournaments tagħhhom qed isiru f’pajjiżna.
Il-Ministru Schembri qal li grazzi għall-ħidma ta’ diversi entitajiet, fosthom Gaming Malta, qed inkomplu nattiraw l-aqwa ismijiet f’dawn is-setturi lejn pajjiżna.