Waqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ssostni li l-Gvern ma kellux bżonn jintervjeni u jħaddem l-iskema msejħa ‘Stabbiltà’, li permezz tagħha aktar minn 450 prodott raw traħħis fil-prezz li se jibqa’ stabbli sal-Baġit li ġej, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, bil-maqlub ikkonferma bil-fatti kemm din kienet wisq aktar minn meħtieġa, partikolarment fl-aħħar xhur.
F’opinjoni ppubblikata fit-Times il-Ġimgħa, il-Ministru Schembri kiteb li kull min jista’ jaċċessa l-istatistika uffiċjali li toħroġ mill-Eurostat tal-Unjoni Ewropea, faċilment jivverifika kemm minn nofs is-sena li għaddiet l-inflazzjoni f’pajjiżna bdiet tiddiversifika minn dawk ta’ pajjiżi oħrajn, inkluż dawk qrib tagħna.
Analiżi tal-indiċi tal-Eurostat, li prodotti essenzjali tal-ikel fl-iskema ‘Stabbiltà’ jinsabu fih, tindika li proprju l-istess prodotti kienu qed jesperjenzaw varjanza inspjegabbli bejn il-prezzijiet f’Malta u dawk fil-bqija tal-Ewropa.
Il-Ministru Schembri, ġab numru ta’ eżempji prattiċi dwar dan.
Tenna, pereżempju, li l-moviment fil-prezz tal-kafè f’Malta hu ferm differenti għal dak li qed jiġri fl-Italja. F’Ġunju tal-2023 il-prezz tal-kafè f’Malta kien 13% ogħla minn sena qabel, waqt li f’Diċembru ta’ wara l-inflazzjoni kienet telgħet għal 16%.
Minkejja dan, fl-Italja, minn fejn tiġi l-fornitura ta’ kafè lokali, l-inflazzjoni f’Ġunju għall-istess prodott kienet ta’ 7% jew nofs dik f’Malta. Iżjed minn hekk, f’Diċembru din kienet naqset għal 2%.
Anke fi stat gżira ieħor, jiġifieri Ċipru, waqt li l-inflazzjoni fil-prezz tal-kafè kienet 16% f’Ġunju, din spiċċat taqa’ għal 1% f’Diċembru jew 16-il darba inqas minn pajjiżna.
Jekk wieħed iħares lejn l-andament tal-ħaxix iffriżat, l-andament hu simili. F’Ġunju, l-indiċi tal-prezz ta’ prodotti simili fl-Italja kien 16% ogħla milli kien sena qabel. Sa Diċembru din ir-rata kienet niżlet għal 5%. Bl-istess mod f’Ċipru, minn 13% f’Ġunju, l-inflazzjoni niżlet għal 5% f’Diċembru.
Iżda, imbagħad, f’pajjiżna ġara bil-maqlub u, minn inflazzjoni ta 8% f’Ġunju, din telgħet għal 14% f’Diċembru, jew kważi tliet darbiet ir-rata fl-Italja u f’Ċipru.
Meta wieħed josserva t-tendenza fil-prezz tal-marġerina, jirriżulta li mentri f’Ġunju, l-inflazzjoni f’Malta kienet inqas milli kienet fl-Italja jew f’Ċipru, sa Diċembru r-rata tal-inflazzjoni ta’ Malta ġiet l-ogħla mit-tliet pajjiżi.
L-istess jgħodd għall-prodotti tal-furnar (bakery products) u ħut priservat, inkluż tonn taż-żejt.
Dawn huma biss ħamsa mill-ħafna kategoriji ta’ prodotti li huma parti mill-inizjattiva ‘Stabbiltà’, li tħabbret ix-xahar li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela u l-istess Ministru Schembri u bdiet tapplika mill-1 ta’ Frar bir-roħs retroattiv fuq il-prezzijiet ta’ Ottubru li għadda.
Schembri kiteb ukoll li argument ieħor li jinġieb, jiġifieri li l-inflazzjoni f’pajjiżna nieżla iżjed bil-mod mill-bqija tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-inflazzjoni fis-sub indiċi tal-ikel mhux ipproċessat, ma jreġix.
Mhux biss għax dan hu staġjonali u allura ma jaffettwax l-inflazzjoni b’mod permanenti, imma wkoll għax l-effett tiegħu fuq l-inflazzjoni inġenerali hu mat-tliet darbiet inqas minn dak tal-ikel ipproċessat, li fuqu hi bbażata l-iskema ‘Stabbiltà’.
Hu għalhekk importanti li l-Gvern intervjena biex jagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas tas-suq lokali. Schembri temm jgħid li, fuq kollox, l-iskema ‘Stabbiltà’ hi biss waħda mill-istrateġiji tal-Gvern biex jiġġieled l-inflazzjoni, flimkien ukoll mas-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels u kull argument li l-Gvern mhux qed jaffronta tali sfidi b’mod ħolistiku, hu mgiddeb b’mod ċar minn fatti bażiċi.
L-establishment jimmolla bil-ġid tal-iskema ‘Stabbiltà’
Sadanittant, jidher li l-esponenti tal-establishment Nazzjonalista mhumiex kuntenti b’din il-miżura tant li wieħed mill-esponenti ewlenin tiegħu, Andrew Borg Cardona, li jemmen fir-rule of law, ħareg jattakka lit-Times għax ippubblikat din l-opinjoni tal-Ministru Schembri, l-istess kif jiġu ppublikati dawk minn diversi esponenti tal-istess fazzjoni tal-establishment.
Jidher ċar li s-sens ta’ superjorità tal-establishment twassal biex jaħsbu u jemmnu li donnu, biex Ministru jikteb artiklu, jeħtieġ xi permess tagħhom.