Il-Monsinjur Charles Scicluna laqa’ lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes għal diskussjoni dwar ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Roderick Galdes elenka li l-prinċipju fundamentali ta’ din ir-riforma hija l-ġustizzja soċjali. B’din ir-riforma se jiġu indirizzati inġustizzji passati waqt li l-batut ħa jiġi protett.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Ħloqna bilanċ bejn is-sid li jixraqlu kumpens ġust għall-ġest li qed jagħmel lis-soċjetà, u l-inkwilin, li denjament jixraqlu serħan il-moħħ. Il-bażi hi li hawn qed nitkellmu fuq l-assi u l-kenn tan-nies. Għalhekk il-Gvern ħass li għandu jintervjeni u ħa jikkumpensa għall-akkomodazzjoni tal-vulnerabbli u l-pensjonanti.”
Hu saħaq ukoll li din ir-riforma tifforma parti minn viżjoni ħolistika għall-akkomodazzjoni soċjali li fiha qed jiġu indirizzati diversi sfidi. Il-Ministru Galdes tenna li l-affordabiltà hija l-pass li jmiss.
Sostna li l-Gvern qed jaħdem fuq mudell li ħa jservi ta’ pass importanti ’l quddiem. Dan għaliex hemm faxx tas-soċjetà li bħalissa qed tonfoq iktar minn kwart tad-dħul tagħha fuq il-kera, u din qed tagħmilha diffiċli li dawn itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.”
Min-naħa tiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna laqa’ l-prinċipji tar-riforma tal-kirjiet kontrollati u saħaq li l-Gvern għandu d-dover li jindirizza s-sofferenza waqt li jserraħ l-imħuħ u s-saħħa mentali taċ-ċittadini. Huwa wkoll aċċenna għall-fatt li minn sfida hemm potenzjal, li bi sforz u prinċipju tajjeb, kapaċi jinħoloq eżempju li jħalli impatt pożittiv.
L-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna u l-Ministru Roderick Galdes iddiskutew ukoll il-fatt li fejn tidħol l-akkomodazzjoni soċjali u dik affordabbli, hemm potenzjal ta’ ħidma konġunta u li dawn għandhom jiġu esplorati għall-ġid tan-nies u l-komunità.