F’laqgħa fil-Kunsill tal-Ministri Ewropej, li attenda għaliha, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, appella bis-sħiħ biex is-settur agrikolu jkun aktar sostenibbli, stabbli u kompetittiv.
Il-Ministru sostna li “Malta temmen li b’hekk biss li nistgħu ntejbu l-produzzjoni tal-ikel u niżguraw aktar ċertezza li magħha ġġib aktar investimenti fis-settur agrikolu”.
Fil-preżenza ta’ ministri oħrajn Ewropej, il-Ministru tenna li għandna niżguraw li “l-bdiewa tagħna jkollhom ambjent ta’ politika u regolamenti li jaħdmu aktar favur tagħhom. Dan billi jkollhom aċċess mingħajr burokrazija żejda għall-fondi, li jservu għal dħul xieraq, filwaqt li tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel.”
Hu tenna l-pożizzjoni ta’ Malta dwar kif id-diskussjoni madwar il-mejda għandha dejjem tiffoka aktar fuq il-punti ta’ konverġenza aktar milli ta’ diverġenza bejn il-kompetittività u l-preservazzjoni tan-natura.