Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura fi Brussell, li għaliha attenda l-Ministru Anton Refalo, intlaħaq qbil dwar konklużjonijiet tal-Kunsill rigward il-pjan ta’ azzjoni dwar il-produzzjoni organika.
Fl-intervent tagħha, Malta qalet li taqbel li għandu jkun hemm approċċ bilanċjat bejn id-domanda u l-provvista sabiex niżguraw li dan is-settur ikun profittabbli u jitrawmu ktajjen qosra tal-provvista. Malta enfasizzat li għandu jkun hemm investiment dirett li jgħin is-settur agrikolu biex iżid il-produzzjoni organika tiegħu. Dan jgħin sabiex is-settur ma jkunx dipendenti biss fuq l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi. Malta tenniet li taqbel li għandhom jiġu kkunsidrati l-ispeċifikazzjonijiet u l-punti ta’ tluq differenti ta’ diversi stati membri.
Ġiet diskussa wkoll il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fin-negozjati li għaddejjin fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar sussidji fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd. Hawnhekk, Malta enfasizzat l-importanza li jiġi diviż is-sussidju tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-fjuwil użat mill-bastimenti tas-sajd, speċjalment għall-flotta tas-sajd artiġjanali. Dan minħabba li s-sajd artiġjanali jirrikorri għal prattiċi tas-sajd u sforzi tas-sajd negliġibbli li għandhom impatt baxx fuq l-ambjent meta mqabbla ma’ bastimenti akbar.
Malta appoġġat talba mid-delegazzjoni Kroata biex il-Kummissjoni Ewropea teżamina l-għażliet kollha disponibbli għall-istabbilizzazzjoni tas-setturi agrikoli tal-annimali minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf. Fil-fatt, matul l-aħħar xhur, Malta dejjem tenniet li ż-żieda kostanti ta’ din l-ispiża hija ta’ tħassib kbir għall-produtturi tal-bhejjem fil-gżejjer Maltin. Dan għaliex minbarra ż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf fis-swieq internazzjonali, stati membri gżejjer bħal Malta jaffaċċjaw żieda addizzjonali fl-ispejjeż minħabba t-trasport biex jiġu impurtati l-prodotti bażiċi.
Il-Kunsill tal-Ministri ddiskuta wkoll l-inizjattiva ‘End the Cage Age’, fejn petizzjoni ffirmata minn miljuni ta’ ċittadini minn madwar l-Ewropa kollha ġiet ippreżentata lill-Kumissjoni Ewropea aktar kmieni din is-sena. Fl-intervent tagħha, Malta esprimiet l-impenn tagħha biex fejn hu possibbli jitjiebu l-benesseri tal-annimali, bil-għan li jtaffi t-tbatija li l-annimali domestikati għall-agrikoltura huma esposti għaliha. Madanakollu, Malta uriet it-tħassib tagħha għal kif bidla bħal din jista’ jkollha impatt ekonomiku u soċjali fuq industriji sħaħ.
Ritratt: MAFA