Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo appella kemm lill-gvern kif ukoll lill-Oppożizzjoni biex jingħaqdu u jaraw kif Għawdex, li qed jagħti valur miżjud lil Malta, jingħata sens ta’ tmexxija u l-istatus speċjali li jixraqlu.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu fit-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jimpliment l-miżuri tal-budget, Il-Ministru Refalo qal li ma tista’ qatt ikollok awtonomija jew status speċjali jekk fil-qasam fiskali m’għandek ebda saħħa ta’ xejn. Anqas jista’ jkollok devoluzzjoni ta’poter fil-qasam leġislattiv, jekk ċerti liġijiet li jolqtu direttament lil Għawdex ma jittieħdux mill-Kunsill jew mir-reġjun ta’ Għawdex, anke jekk fl-aħħar mill-aħħar dawn il-liġijiet irid ikollhom it-timbru tal-parlament.
Huwa qal li l-kunċett ta’ reġjonalità bdih Anton Tabone meta kien Ministru għal Għawdex u dan kien ifisser li Għawdex għandu dawk il-kwalitajiet u diffikulatjiet li jagħmluh differenti minn Malta tant li jikkwalifika bħala veru reġjun differenti minn kull reġjun ieħor ta’ Malta. Dan kien pedamenti sod iżda minn dakinhar sal-lum ma sar ebda progress,
Huwa fakkar li kien il-Gvern Laborista tal-1996 li ħareġ bl-idea li jsir kunsill reġjonali għal Għawdex u dan ma sarx għax l-Oppożizzjoni qatt ma riedet kunsill bħal dan.
Staqsa jekk wara li għadda daqshekk żmien, is-soluzzjoni ta’ Għawdex hijiex ministeru u kunsill reġjonali.
Il-Ministru Refalo qal li meta kienu qed isiru n-negozjati biex Malta ssir membru tal-UE, Simon Busuttil li kellu f’idejh in-negozjati, kien jippreferi li jitratta fuq Malta u jwarrab lil Għawdex, bil-konsegwenza li meta sar it-trattat tas-sħubija, Għawdex qatt ma ġie meqjus bħala reġjun ħlief għall-fini tal-istatistika. Gvern Nazjonalista qatt ma ried li Għawdex ikollu dan l-istatus speċjali.