Il-Ministru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali pparteċipa f’konferenza informali permezz ta’ video-conference organizzata mill-Presidenza Kroata, fejn il-Ministri tal-Agrikultura u s-Sajd iddiskutew il-miżuri tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur agrikolu u l-implikazzjonijiet tal-kriżi pandemika fis-settur tas-sajd.
Il-Ministru Anton Refalo rrefera għall-impatt tal-COVID-19 fuq is-settur tas-sajd f’Malta u l-miżuri li qed jieħu l-gvern biex inaqqas ir-riperkussjonijiet fuq il-bejgħ tal-prodotti tas-sajd. Fid-dawl tal-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi tal-pandemija attwali, il-ministru talab għal flessibbiltà fl-istaġun tas-sajd 2020 tat-tonn. Esprima tħassib dwar is-sajd fuq skala żgħira u kif din qed tikkomprometti l-maġġoranza tal-flotot tas-sajd Maltin. Sabiex jissalvagwardja l-għajxien ta’ dawn is-sajjieda, il-gvern qed jagħmel il-preparamenti meħtieġa biex jipprovdi għajnuna finanzjarja permezz tar-regolament modifikat tal-EMFF.
Qed jiġu ppreparati miżuri speċifiċi għas-sajjieda liċenzjati għat-tonn biex jiġu sottomessi taħt il-qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Miżura oħra ta’ appoġġ li qed tiġi kkunsidrata hi l-iskema ta’ waqfien temporanju bil-għan li tgħin lis-sajjieda kollha reġistrati taħt il-kategoriji MFA u MFB li sofrew telf ekonomiku minħabba l-pandemija COVID-19. Il-Ministru Refalo enfasizza li miżuri bħal dawn huma strumentali biex jipprovdu għajnuna adekwata lis-settur tas-sajd b’mod dirett u jiżguraw is-sostenibbiltà fit-tul tal-industrija tas-sajd lokali.
Fir-rigward tas-settur agrikolu, il-ministru rrikonoxxa l-miżuri implimentati mill-Kummissjoni biex jgħinu jistabbilizzaw is-suq agrikolu, b’mod partikolari l-ftehim kuntrattwali alternattiv għal “niche markets”, għajnuna għal ħażna privata u deroga minn ċerti regoli u proċeduri. Laqa’ wkoll il-miżuri meħuda fir-rigward ta’ kontrolli fuq il-post, estensjoni ta’ ċerti skadenzi, modifika ta’ programmi ta’ żvilupp rurali u rappurtar u twettiq ta’ obbligi meħuda mill-benefiċjarji mingħajr ebda proċeduri eċċessivi u sproporzjonati.
Saret ukoll referenza għall-ispeċifità tas-settur agrikolu ta’ kull stat membru u l-importanza li jitfasslu l-azzjonijiet prattiċi meħtieġa. L-importanza ta’ żieda fil-flessibilità ġiet enfasizzata meta niġu għall-iffissar tal-limiti massimi fil-miżuri li qed jiġu proposti b’reazzjoni għall-impatt tal-COVID-19 u biex tiġi esplorata l-possibbiltà li jiċċaqalqu fondi bejn il-pilastri fil-CAP attwali.
Ritratti: MAFA