Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel Spazju Internazzjonali tal-Arti Kontemporanja f’pajjiżna (MICAS) daħlu fl-istadju finali sabiex iktar tard f’Ottubru tal-2024, dan il-kumpless ikun inawgurat u b’hekk iktar minn tnax-il tomna fil-Furjana se jingħataw lura lill-pubbliku Malti u t-turisti li jżuruna bis-saħħa tal-arti.
Waqt żjara fuq il-post flimkien ma’ numru ta’ artisti u rappreżentanti mill-Aġenzija li tmexxi l-MICAS u d-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fakkar li l-kumpless kollu kemm hu qed isir b’investiment totali ta’ €30 miljun, bi €8.2 miljun ġejjin minn fondi Ewropej.
Sostna li l-kumpless se jkun magħmul mill-iSpazju tal-Galleriji li hu wieħed mifrux fuq erba’ livelli u għandu medda ta’ 4,000 metru kwadru. Dan kollu se jkun spazju għall-artisti, ġonna u żoni pubbliċi, ristorant u uffiċini amministrattivi li jżewqu flimkien aspetti kontemporanji f’kuntest ta’ swar militari storiċi li valur imprezzabbli.
L-għan tal-kumpless hu li joffri spazji għall-esebizzjonijiet u installazjonijiet artistiċi kontemporanji, kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin u b’dan il-mod isem pajjiżna se jitpoġġa fuq il-mappa dinjija bħala destinazzjoni għal min irid igawdi s-sbuħija tal-arti kontemporanja.
Il-President tal-MICAS Phyllis Muscat irringrazzjat lill-membri tal-bord tal-MICAS talli mexxew il-quddiem il-kunċett u mexxew l-isforz għall-mużew tal-arti kontemporanja sa mill-bidu b’dedikazzjoni u kooperazzjoni fit-tul.
Qalet, “MICAS huwa l-ispazju li qiegħed il-Floriana fejn kien l-Ospizio u ħa jkun spazju fejn ikun dedikat għall-arti kontemporanja kemm għall-artisti Maltin u kemm għall-artisti internazzjonali.”
Il-Ministru Bonnici qal kif dan il-Gvern dejjem emmen li Malta jistħoqqilha li tkun protagonista fejn jidħlu wirjiet artistiċi kontemporanji u djalogi kulturali tal-ogħla livell internazzjonali.
Qal, “Hawnhekk qiegħdin il-Floriana fejn qed nagħtu 13-il tomna ta’ art lura lill-familji Maltin u Għawdxin u lill-komunità internazzjonali bis-saħħa tal-arti u l-kultura. F’dan l-ispazju ħa jkun hawn post fejn wieħed jesebixxi l-arti kontemporanja ġo galleriji mill-isbaħ illi se jżewġu lill-modern flimkien mal-antik u mal-istoriku mas-swar li hawn madwarna. Min jaf kemm hawn nies illi qatt ma ġew f’ħajjithom f’dan il-post u issa se jkollom il-possibilità li kif jispiċċa l-proġett ikunu jistgħu iżuruh.”