“Id-drittijiet kulturali qed jiġu taħt pressjoni madwar id-dinja kollha b’uħud ifittxu li jiddefinixxu l-kultura billi jiffokaw fuq aspett wieħed filwaqt li jeskludu aspetti oħra bħar-reliġjon, l-etniċità jew it-twemmin politiku. Barra minn hekk, kwistjonijiet globali bħall-kunflitti kontinwi, it-tibdil fil-klima u l-pandemiji jpoġġu piż addizzjonali fuq in-nisġa soċjali u jfixklu s-settur kulturali billi jirrestrinġu l-parteċipazzjoni u l-aċċessibbiltà f’dan il-qasam”.
Dan qalu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt laqgħa tal-Ministri tal-MED9 li saret online u kellha bħala tema “Id-Drittijiet Kulturali fi Żminijiet ta’ Kriżi: Sfidi Kontemporanji u Perspettiva”. Il-MED9 hija alleanza ta’ disa’ stati membri tal-Mediterran u tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea: Malta, il-Kroazja, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, is-Slovenja u Spanja.
Il-Ministru Bonnici spjega li fuq dan l-aspett, Malta qed tħares ukoll lejn modi kif tavvanza l-kunċett ta’ ġustizzja kulturali permezz tal-ħolqien ta’ proġett speċifiku, li għadu fi stadju bikri, li jfittex li jagħti s-setgħa u jrawwem l-abbiltà tan-nies li jittrattaw kwistjonijiet kulturali b’mod konxju, kritiku u parteċipattiv, filwaqt li jiżgura li individwi jgħixu skont il-kultura tagħhom mingħajr ma jfixklu d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.
Il-Ministru Bonnici spjega kif iż-żona tal-Mediterran hija wkoll esposta għal dawn il-kurrenti u pressjonijiet. Qal li kurrenti bħal dawn jinfiltraw in-nisġa soċjali tagħna, b’mod partikolari permezz tal-mobilità tal-movimenti tal-popolazzjoni li ġġib magħha l-globalizzazzjoni. Saħaq li f’dan ir-rigward, it-theddid globali għat-tgawdija tad-drittijiet kulturali jirrikjedi tweġibiet li mhux biss ifittxu li jindirizzaw il-kawża ewlenija, iżda wkoll soluzzjonijiet li huma mfassla apposta biex jisfruttaw is-saħħiet ta’ pajjiż sabiex tinżamm il-koeżjoni soċjali, speċjalment fid-dawl ta’ ideoloġiji estremi.
Il-Ministru Bonnici qal li biex tilqa’ għal dawn l-isfidi, Malta ħarġet il-Politika Kulturali Nazzjonali fl-2021. Din hija maqsuma fi tmien oqsma distinti u li tiffoka fuq aċċess kulturali akbar. Spjega kif aċċess kulturali akbar huwa meqjus bħala l-approċċ fundamentali li permezz tiegħu komunitajiet diversi jiġu flimkien mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-età, id-dgħjufijiet jew l-isfond soċjali. L-intenzjoni hija li titrawwem l-inklużjoni soċjali, bil-Gvern jassisti kull fejn hu possibbli fil-ħolqien ta’ spazji kulturali komunitarji.
Qal illi Malta tqis li l-istati membri tal-UE jibqgħu fl-aqwa pożizzjoni biex jittrattaw kwistjonijiet relatati mad-drittijiet kulturali għas-sempliċi raġuni li għandhom l-isfond meħtieġ u l-għarfien ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw is-soċjetajiet tagħhom.
Il-Ministru Bonnici temm jgħid li Malta tqis li din id-diskussjoni qed isseħħ f’mument xieraq ħafna, u tqis l-MED9 bħala spazju għal riflessjoni, valutazzjoni mill-ġdid, u bidla trasformattiva, li tindirizza kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet.