Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar l-iskola tal-Alternative Learning Programme (ALP) li tifforma parti mill-Kulleġġ San Tumas More bħala parti minn serje ta’ żjarat fl-iskejjel u istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna. Dan il-programm huwa uniku fix-xorta tiegħu u huwa offrut biss f’din l-iskola.
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar ix-xogħol li jsir fl-ALP u saħaq fuq l-importanza li tiġi “offruta edukazzjoni alternattiva għall-istudenti tagħna, billi nipprovdulhom il-possibbiltà li jfittxu triq vokazzjonali. Kulħadd għandu ħiliet differenti, u permezz ta’ dan il-programm qegħdin noffru l-istudenti taħriġ f’oqsma varji u esperjenza hands-on, b’mod li nipprovdulhom l-għodod neċessarji biex jiffurmaw il-futur tagħhom.”
L-ALP tipprovdi opportunitajiet alternattivi għall-istudenti permezz tas-suġġetti vokazzjonali, filwaqt li jissaħħu l-ħiliet u kompetenzi relevanti, li ‘l quddiem jippreparawhom għal edukazzjoni ogħla, kemm f’għarfien prattiku, kif ukoll teoretiku. L-ALP hu ċentru vokazzjonali u kreattiv li joffri ħafna xogħol applikat u opportunitajiet prattiċi, bl-għajnuna ta’ numru ta’ programmi u korsijiet. L-ALP tħejji l-istudenti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-lum u ta’ għada, li kuljum qed titlob għal aktar ħaddiema mħarrġa u kompetenti. Il-programm huwa għal studenti li qegħdin fl-aħħar sena tal-edukazzjoni formali (Year 11) u jista’ jiġi segwit għal sentejn. Hemm ukoll l-ALP+ li huwa wkoll disponibbli għal studenti bejn l-età ta’ 16 u 18.
Dr Owen Bonnici kellu wkoll laqgħa mal-Kap tal-Iskola, Edukaturi u l-persunal tal-ALP fi ħdan il-Kulleġġ ta’ San Thomas More f’Raħal Ġdid.