Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi tenna li l-kumpanija u t-trust li llum ġew xolti qatt ma kellhom kontijiet bankarji u li ma rċieva ebda fondi minn x’imkien fid-dinja. Qal li dan kien ikkonfermat minn Crowe Horwath, kumpanija indipendenti tal-awdituri internazzjonali.
Fi stqarrija, il-Ministru Mizzi għamel referenza għal konferenza stampa indirizzata mill-ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa u d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li matulha qalu li se jgħaddu rapport tal-FIAU lill-Maġistrat. Madankollu huwa rrifjuta li jippubblika dan ir-rapport.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-ebda spekulazzjoni ma tista’ qatt tiġi pprovata għax huma foloz.
Il-Ministru Mizzi fisser dak li suppost hu rapport tal-FIAU bħala konġettura, jiġifieri rapport msejjes fuq informazzjoni mhux kompluta. Qal li kull rapport ibbażat fuq falsitajiet u spekulazzjonijiet mhu xejn ħlief xogħol irresponsabbli. Saħaq li kull investigazzjoni turi li huwa ma rċieva l-ebda fondi.
Il-Ministru żied jgħid li diġà lmenta dwar kampanja kkordinata minn bloggers Nazzjonalisti u simpatizzanti tal-istess partit fil-midja. Qal li dawn l-istess allegazzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista huma fil-qalba ta’ dan l-abbozz. Sostna li huwa ċar li din il-kampanja hija kkordinata mill-kittieb ta’ dan ir-rapport u li nkiteb bl-intenzjoni li eventwalment jiġi llikjat.
Dr Mizzi nnota li l-FIAU ċaħad uffiċjalment u ddeplora l-allegazzjonijiet tas-Sur Casa bħala irresponsabbli u mhux veritieri.