Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ma nstabx ħati li xerred aħbarijiet foloz u li ħoloq allarm pubbliku f’artiklu ppubblikat aktar minn 10 snin ilu fil-gazzetta The Times.
Fl-aritklu bit-titlu Water Crisis, il-Ministru Mizzi, dak iż-żmiem kien kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-servizzi infrastrutturali tressaq il-Qorti flimkien mal-editur tat-Times mixli li xerred aħbarijiet foloz li x’aktar jallarmaw lill-pubbliku. L-editur tat-Times kien ġie lliberat minn kull akkuża.
Fl-artiklu is-Sur Mizzi sostna li l-kriżi tan-nuqqas ta’ ilma f’pajjiżna kienet prijorità li kellha tiġi indirizzata għal ġejjieni b’saħħtu u sostenibbli. Fl-istess artiklu huwa għamel analiżi dwar il-problema tal-ilma f’pajjiżna u kkritika lill-Gvern li f’20 sena kien injora l-problema tal-ilma u li b’mod iddisprat kien qed jipprova jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar b’miżuri ta’ malajr.
B’reazzjoni għal dan l-artiklu, l-Ex Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Michael Falzon, talab li jittieħdu proċeduri kriminali kontra s-Sur Mizzi u l-editur tat-Times. Argumenta li l-artiklu kien qiegħed ixerred aħbarijiet foloz u kien intiż biss biex jallarma lill-pubbliku.
Il-Maġistrat li ppreseda l-każ, Joe Mifsud, qal li l-prosekuzzjoni akkużat lis-Sur Mizzi li kien qiegħed ixerred aħbarijiet foloz. Qal li biex din l-akkuża tkun sostanzjata, il-prosekuzzjoni kellha tipprova l-intenzjoni kriminali wara dan l-artiklu u l-allarm pubbliku li suppost ħoloq.
Qal li f’dan il-każ il-prosekuzzjoni ma pproduċiet l-ebda evidenza li nħoloq xi paniku jew li ġiet instigata l-vjolenza mill-artiklu tas-Sur Mizzi u għalhekk illiberatu minn kull akkuża.